It-Tnejn filgħaxija fi Strasburgu, l-Ewroparlamentari approvaw regoli ġodda dwar il-mediċini li jinkludu emendi li ressaq l-MEP Peter Agius, fosthom li għandhom jiżdiedu s-sorsi tal-mediċini lil hinn mis-swieq bil-lingwa Ingliża biss u jobbligaw lill-fornituri biex jaqdu stati żgħar bħal Malta, u b’hekk itejbu d-disponibbiltà u l-prezzijiet.
“Irnexxielna nimbuttaw għall-bidla fir-regoli Ewropew u wasalna għal titjib li jiżgura benefiċċji ikbar għall-konsumaturi u pazjenti madwar l-Unjoni Ewropea kollha, partikolarment dawk fi Stati Membri li għandhom limitazzjoni fl-aċċess tas-suq tal-mediċini, inkluż Malta.
“Il-proviżjonijiet il-ġodda issa se jobbligaw il-produtturi jipprovdu l-informazzjoni dwar il-mediċinali b’mod diġitali f’diversi lingwi u dan se jagħmilha eħfef għall-gvernijiet u importaturi privati biex jixtru mis-swieq kollha Ewropej u mhux biss mingħand dawk li joffru l-informazzjoni għall-konsumatur bl-Ingliż. B’hekk is-suq tal-mediċini aċċessibbli għal Malta se jikber mill-Irlanda u r-Renju Unit għal 26 stat Ewropew,” qal Agius.
L-Ewroparlamentari Malti kien issottometta emendi għal dawn ir-regoli f’Settembru li għadda fil-Kumitat Ewro-Parlamentari tas-Saħħa. Dan bil-għan li titjieb l-aċċessibiltá tal-mediċini f’pajjiżna u b’mod indirett il-prezzijiet. Waħda mill-emendi hija li l-produtturi tal-mediċini għandhom ikunu obbligati li jissupplixxu swieq żgħar bħal Malta.
Skont statistika tal-Unjoni Ewropea, Malta bħalissa tinsab fl-aħħar tal-lista dwar kemm huma aċċessibbli s-swieq tal-mediċini f’pajjiżna, speċjalment il-mediċini għall-mard rari u mediċini ġodda. Dan jikkonfermawh ir-rapporti annwali WAIT tal-European Pharmaceuticals Professionals Association (EFPIA). L-aħħar rapport ippubblikat f’Mejju li għadda indika diskrepanzi kbar fiż-żmien minn meta mediċini ġodda fl-Ewropa jaslu Malta. Xi drabi, ċerti mediċini jaslu Malta sa ħames snin wara li jkunu disponibbli fis-swieq l-oħra Ewropej. Din is-sitwazzjoni hija ta’ tħassib b’mod partikolari fit-trattamenti tal-onkoloġija għax f’Malta ssib biss 2% tal-mediċini mqabbel ma’ 96% tal-mediċini disponibbli fil-Ġermanja.
Ir-regoli l-ġodda mistennija jidħlu fis-seħħ b’mod gradwali mill-2028. Dawn se jagħtu s-saħħa lill-awtoritajiet u l-impurtaturi, anke lokali, li jitolbu kumpaniji kbar tal-farmaċewtika biex jissuplixxulhom il-mediċini ġodda fil-ħin minkejja d-daqs żgħir tas-suq Malti. Skont ir-regoli ġodda, jekk il-produtturi ma jaqdux il-ħtiġijiet ta’ pajjiżi żgħar bħal Malta, jistgħu anke jitilfu l-patent fuq il-mediċina.
“Dawn huma passi ta’ ġgant ‘il quddiem għall-pazjenti Maltin, grazzi għall-intervent dirett fi Brussell. Issa sta għall-awtoritajiet Maltin li jiżguraw li dawn ir-regoli jiġu implimentati għall-benefiċċji tal-pazjenti Maltin. Importanti wkoll li dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ bla dewmien u mingħajr ma jkun hemm tħarbit fil-provvista tal-mediċini minħabba li se tieqaf id-deroga marbuta mal-Brexit.
Il-Parlament Ewropew qed jitlob ukoll li din id-deroga tiġi estiża sakemm ir-regoli l-ġodda jidħlu fis-seħħ. Se nkun qed naħdem u nagħmel il-parti tiegħi fi Brussell bħala rappreżentant tal-Maltin u l-Għawdxin,” temm Agius.
//= $special ?>

