Il-militar Amerikan qed ikompli bl-attakki fuq id-dgħajjes li, allegatament, qegħdin iwasslu l-kunsinni tad-droga lejn l-Istati Uinti… Attakki li komplew fl-aħħar sigħat fl-Oċean Paċifiku, bi tmien persuni jitilfu ħajjithom fost l-azzjonijiet diretti fuq talanqas tlett dgħajjes f’zona partikulari.
Il-US Southern Command tal-Armata, fl-aħħar sigħat ukoll, iċċirkola l-filmati tal-attakki fuq il-media soċjali waqt li sostna li d-dgħajjes kienu għaddejjin mir-rotot tal-baħar ‘magħrufin għat-trasport tad-droga’.
L-Istati Uniti, sadanittant, beħsiebha tkompli b’dawn l-azzjonijiet fuq in-‘narko-traffikanti’ – b’aktar minn 20 dgħajsa fil-Paċifiku u l-Karibew jispiċċaw mira għall-qawwiet Amerikani, fl-aħħar xhur… Attakki li sallum swew il-ħajja ta’ kważi 100 persuna bħala parti mill-kampanja tal-President Donald Trump kontra l-gangs fir-reġjun li qed jakkużahom bħala ‘responsabbli mit-trasport tad-droga lejn l-Istati Uniti’.
Dan meta numru ta’ esperti qablu li dawn l-attakki jistgħu anki qed isiru b’kontravenzjoni tal-liġijiet li jippermettu għal konflitt armat.
Min-naħa tiegħu, il-White House (f’Washington) qed itenni li l-azzjonijiet huma konformi mar-regoli għall-konflitt armat u li, fl-istess ħin, qed jipproteġu lill-Istati Uniti ‘mill-cartels tad-droga li qegħdin jeqirdu l-ħajja ta’ daqstant Amerikani’.
Is-sitwazzjoni, fil-preżent, qed tkun diskussa fiż-żewġt ikmamar tal-Kungress Amerikan, fil-preżenza tas-Segretarju tad-Difiża. Pete Hegseth u s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio.
//= $special ?>

