Dik li kellha tkun rutina ta’ dejjem, spiċċat f’inċident gravi. Dan hekk kif l-atleta Lena Sammut kellha tittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara inċident li kellha minħabba l-ispeed bumps li hi ddiskreviet bħala “death traps”.
It-Tnejn filgħodu, l-atleta Lena Sammut, weġġħet gravi minħabba l-infrastruttura fit-triq. Hekk kif kienet qed issuq ir-rota tagħha bħala parti mir-rutina tagħha, meta sabet ma’ wiċċha żewġ speed bumps f’niżla u litteralment intremiet minn fuq ir-rota.
Dan bil-konsegwenza li kellha concussion, u anke kellha tgħaddi minn operazzjoni minħabba ksur li ħallieta b’ħadidha f’ġisimha għal għomorha.
L-inċident seħħ fi Triq tas-Santi fl-Imġarr, u li tintuża’ b’mod frekwenti miċ-ċiklisti li jkunu jridu jipprattikaw is-sewqan fit-tlajja.
L-atleta spjegat li l-ispeed bumps mhux ideali għaċ-ċiklisti u minkejja li numru ta’ speed bumps f’pajjiżna huma magħmulin b’mod li jħallu spazju bejn waħda u oħra sabiex jagħtu ftit nifs liċ-ċiklisti, f’dan il-każ ma sarx hekk.
Lena sofriet minn collarbone miksura, grif fuq imneħirha, xufftejha u anke geddumha u tbenġil sinifikanti fuq il-genb ta’ ġisimha.
Id-Direttur Tekniku tal-Federazzjoni taċ-Ċikliżmu, Etienne Bonello kien diġà wissa liċ-ċiklisti Maltin dwar dawn l-ispeed bumps f’kantuniera.
//= $special ?>

