Lokali

Chris Bonett jiddefendi ż-żrar f’Ta’ Qali imma fl-istess nifs jammetti li seta’ sar żball oħxon li se jiswa terz ta’ miljun ewro lill-poplu Malti – PN

Ritratt: Martin Agius
Imma jgħidilna li ma ġara xejn għax jekk il-ħaxix jibqa’ ma jitlax, nippruvaw xi ħaġa oħra...waqt li jiddefendi l-għoti tal-kuntratt b’direct order

Huwa inkredibbli kif il-Ministru responsabbli mix-xogħlijiet pubbliċi qed jiddefendi l-kisi tal-picnic area f’Ta’ Qali biż-żrar waqt li fl-istess nifs jammetti li seta’ sar żball.

Agħar minn hekk huwa l-fatt li għall-istess Ministru, qisu ma ġara xejn għax fi kliemu, jekk il-proġett ma jirnexxix, jinstab rimedju. Bil-Ministru Chris Bonett jammetti wkoll li l-falliment f’dan il-każ se jkun sewa kemxa ġmielha lill-poplu Malti li ħareġ terz ta’ miljun ewro għal dan il-proġett.

“Jekk il-ħaxix f’Ta’ Qali jibqa’ ma jitlax, nippruvaw xi ħaġa oħra,” qalilna Bonett bla mistħija ta’ xejn dalgħodu f’intervista mat-Times of Malta.

Bonett iddefenda wkoll l-għoti ta’ dan il-kuntratt b’direct order ta’ €300,000 lil kuntrattur viċin ħafna tal-Prim Ministru billi qal li f’dan il-każ sar sew li ngħata direct order minkejja li inqas minn ħmistax ilu kien ikkonfermat li ż-żrar tpoġġa fil-post bla permess, bla ma sar l-ebda studju dwar l-impatt ambjentali, u bla ma nkisbu l-permessi meħtieġa skont il-liġi.

Ippressat biex jammetti li nkisret il-liġi tal-public procurement meta proġett li jiswa daqshekk flus ingħata b’direct order minflok ma nħarġet tender, inkredibbilment Bonett kompla jiddefendi l-mod kif saru l-affarijiet f’Ta’ Qali u wieġeb li kultant mekkaniżmi bħal dawn ikunu neċessarji biex isiru ċerti proġetti infrastrutturali. Bonett ħarab milli jwieġeb jekk inkisritx il-liġi jew inkella setax kien hemm korruzzjoni meta flok inħarġet sejħa pubblika, ingħatat direct order għal valur li hu ferm ogħla mill-€10,000 permessi skont ir-regolamenti.

Id-difiża ta’ Chris Bonett f’dan il-każ kienet li jekk ikun hemm intenzjonijiet ħżiena, il-korruzzjoni tista’ sseħħ dejjem, anke li kieku nħarġet sejħa pubblika għall-offerti minflok ingħatat direct order.

Il-Ministru Bonett ipprova jserrħilna rasna wkoll billi qalilna li tista’ tagħmel miljun ħaġa tajba u miljun ħaġa inqas tajba, imma kultant ma għandniex niddejqu nammettu li żbaljajna.

Li ma qalilniex Chris Bonett huwa min se jerfa’ r-responsabbiltà għal żball oħxon bħal dan, u min se jikkumpensa lill-poplu Malti għall-flus li nħarġu mit-taxxi tagħna għal dan l-iżball.

Kif ikkummentat it-Times stess, sal-bieraħ kien għadu ma kiber l-ebda ħaxix fil-partijiet mgħottija biż-żrar li tefa’ Jason Micallef f’Ta’ Qali, u kulma sabu fil-post kienu partijiet kbar mgħarrqa wara x-xita li għamlet filgħodu.

Sadanittant, il-poplu Malti jibqa’ jistenna l-ħaxix fil-picnic area f’Ta’ Qali jerġa’ jikber, anke jekk l-eks Segretarju Ġenerali Laburista u Delegat Speċjali ta’ Robert Abela qalilna li mal-ewwel xita se jerġa’ jkollna tapit aħdar naturali biex is-sit ikun jista’ jerġa’ jibda jitgawda mill-familji u saħanistra bagħat il-bowsers tal-ilma billejl biex isaqqu ż-żrar.