Il-Ministru Roderick Galdes ma jridx jippubblika l-evidenza u d-dokumenti wara li kien allegat li hemm każ ta’ unexplained wealth b’rabta ma’ xiri ta’ proprjetà f’Għawdex, u fid-Dolomiti fl-Italja.
Dan hekk kif wara r-rapporti tal-ġurnal Times of Malta flimkien ukoll ma’ denunzja li saret mill-avukat Jason Azzopardi, l-Erbgħa waranofsinhar il-ġurnalisti staqsew lill-Ministru Roderick Galdes b’rabta ma’ dan kollu – b’Galdes jisħaq li hu ddikkjara kollox, u insista li għandu dritt jgħix.
Huwa spjega li ma jistax wieħed jibbaża biss fuq il-paga tiegħu, għaliex hemm il-paga u l-introjtu kumplessiv tal-mara tiegħu – illi saħaq li għandha wkoll xi residenzi li qed tikrihom.
Madanakollu, insista li mhux se jibqa’ jwieġeb dwar dan l-iskandlu serju li spiċċa inqabad fih.
Minkejja li bgħatna sensiela ta’ domandi biex Galdes jippubblika l-evidenza kollha – mhux talli ma jridx jippubblika d-dokumenti, talli issa ma jridx jibqa’ jwieġeb.
Fid-denunzja magħmula mill-Avukat Jason Azzopardi, huwa insista li l-informazzjoni ngħatatlu minn Ministru fil-Kabinett ta’ Robert Abela u għaldaqstant kien mistoqsi dwar jekk il-Grupp Parlamentari Laburista jħossux komdu b’dan kollu – bil-Prim Ministru jgħid li Galdes seta’ spjega aħjar.
Robert Abela kompla billi qal li kien sodisfatt bl-ispejga li tah Galdes, u saħaq li l-Ministru urih dak li kellu jara.
Lill-Ministru Galdes staqsejnih biex jippubblika l-evidenza ladarba m’għandu xejn x’jaħbi. Imma hu saħaq li ma kienx se jagħmel dan.
Intant, lill-Prim Ministru staqsejnih x’urih Galdes…madanakollu, anke f’dan il-każ, bqajna mingħajr tweġiba.
U filwaqt li Robert Abela qed jgħid li Roderick Galdes għandu s-sostenn tal-grupp parlamentari laburista kollu…huwa surreali mhux biss li fl-aħħar jiem u ġimgħat lanqas biss ħarġet stqarrija minn naħa tal-Partit Laburista biex jiddefendi lill-Ministru Galdes, talli illum fl-avveniment tiegħu, il-midja laburista lanqas biss tfaċċat.
U hekk kif jinsab iżolat, jidher li Galdes ma jridx iċedi postu, lanqas temporanjament sakemm inaddaf ismu ladarba huwa innoċenti kif qiegħed jinsisti – għalkemm ma ċaħadx li għandu anke proprjetà fid-Dolomiti
//= $special ?>
