Melvin Debono tressaq il-Qorti wara li ġie arrestat b’rabta ma’ ksur ta’ sitt kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja, kif ukoll b’akkuża ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.
Fil-Qorti, hu ġie mixli li kiser sitt kundizzjonijiet separati ta’ libertà proviżorja imposti fuqu minn tmien maġistrati differenti, kif ukoll b’akkuża oħra li hedded lill-eks sieħba tiegħu. Dan meta allegatament qalilha: “naħraqlek id-dar u lilek magħha.”
Ir-raġel ġie mixli wkoll li allegatament kien involut f’inċident serju tat-traffiku b’veloċità eċċessiva f’April li għadda.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-eks sieħba tal-akkużat, u imponiet ukoll ordni li tipprojbixxi lil Debono milli jkollu kuntatt magħha, filwaqt li tista’ ssir komunikazzjoni biss fir-rigward tat-tliet uliedhom. Il-Qorti wissiet li kwalunkwe ksur ta’ din l-ordni jista’ jwassal għal piena sa sentejn priġunerija jew multa ta’ €200.
Minkejja l-akkużi u l-ksur ripetut tal-kundizzjonijiet, il-Qorti aċċettat it-talba għal-libertà proviżorja għas-seba’ darba fi ftit xhur, u ordnat il-ħelsien tiegħu taħt kundizzjonijiet stretti oħra.
//= $special ?>

