Kollox qed jindika li l-aħħar weekend ta’ qabel il-Milied se jkun iddominat mill-maltemp – fejn f’ċertu ġranet il-ħalbiet tax-xita se jkunu saħansitra bir-ragħad.
Skond it-tbassir tat-temp maħruġ mill-Uffiċċju Meterjoloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, minn nhar il-Ġimgħa li ġej il-Gżejjer Maltin se jkunu maħkuma mill-ħalbiet tax-xita. Imbagħad, nhar il-Ħadd li ġej il-ħalbiet tax-xita mistennija li jkunu bir-ragħad u s-sajjetti.
Għalkemm se nesperjenzaw il-maltemp, it-temperatura se tibqa’ pjuttost stabbli, hekk kif l-ogħla temperatura se tkun 18-il grad. Iżda mbagħad, matul il-lejl, it-temperatura se tinżel għal 10 gradi.
Din żgur se tkun aħbar tajba għal dawk li jħobbu jqattgħu l-ġranet ta’ qabel il-Milied fil-ġabra, b’xarba sħuna f’idejhom, jaraw it-televiżjoni jew xi film marbut ma’ dan iż-żmien ta’ festi.
Apparti minn hekk, lejn tmiem il-ġimgħa, ir-riħ mistenni jkun ftit qawwi hekk kif se jlaħħaq Forza 5 u mistenni li jinżel għal Forza 3 fil-bidu tal-ġimgħa li ġejja.
Imbagħad il-ġimgħa d-dieħla t-temp mistenni li jiftaħ xi ftit hekk kif skont it-tbassir tat-temp jumejn qabel il-Milied it-temp se jkun xemxi. U allura, għal dawk li għadhom ma xtrawx ir-rigali tal-Milied it-temp se jippermetti aktar biex isir l-aħħar ġiri għar-rigali – speċjalment dawk li kull sena jħallu għall-aħħar.
Intant, għalkemm se jkollna jiem ta’ maltemp ċertu ġranet xorta se joffru l-possibilta li l-familji jgawdu l-bosta attivitajiet li qed ikunu organizzati madwar Malta u Għawdex u li żgur jikkontribwixxu għal atmosfera mill-isbaħ fi żmien il-Milied.
//= $special ?>

