Il-familja, it-televiżjoni, l-impenji, il-midja soċjali u l-ħajja politika.
Dawn huma uħud mit-temi li Sarah Bajada tkelmet dwarhom matul il-programm ‘Crux’ li jixxandar l-Erbgħa fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija.
Fl-aħħar jiem, Sarah organizzat inizjattiva sabiex f’dan il-perjodu ta’ festi niftarku f’dawk il-persuni li għaddejjin minn żmien ta’ solitudni – fejn mhux kulħadd jista’ jkollu l-pjaċir u l-lussu li jqatta’ l-ħin mal-qraba jew ħbieb.
Sarah Bajada tkellmet dwar binha Sam u kif sawrilha ħajjitha – filwaqt li fetħet qalbha dwar il-perjodu sbieħ u dawk meqjusa bħala inqas sbieħ, partikolarment il-perjodu ta’ żmien il-pandemija. Hija saħqet li matul dak il-perjodu, minkejja li kienet tinsab kontra l-kurrent, dejjem provat tara t-tazza nofsha mimlija u minn hemm bdiet l-avventura tagħha fuq il-midja soċjali.
Saħqet kif permezz tal-pjattaformi tagħha jkun hemm diversi waqtiet fejn tieqaf u tiprova tgħin lil kull min ikellimha, jew jagħmel kuntatt magħha.
Sarah Bajada tkellmet dwar il-bidu tagħha fuq it-televiżjoni flimkien ma’ Christian Micallef fil-programm ‘Replay’. Tkellmet ukoll dwar l-eżerċizzju fiżiku u t-tisjir, li huwa ferm għal qalbha tant li ppubblikat kotba tar-riċetti.
Finalment iddiskutiet ukoll l-ewwel 100 jum ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista fejn saħqet kif dawn il-jiem laqqgħuha ma’ numru kbir ta’ persuni li rat f’għajnejhom l-għatx għat-tama u l-bidla għal xi ħaġa aħjar.
//= $special ?>
