Lokali

Jiddu l-Kwiekeb 

Lejla ta’ spettaklu u armonija f'Dar il-Mediterran il-Ħadd li gej

Il-Kumpanija Teatru Rjal  din is-sena qed tipprezenta kunċert mużikali kbir għal żmien il-Milied, bis-sehem ta’ wħud fost l-aqwa talent mużikali fil-Gżejjer Maltin bħalissa. 

Fl-isfond tal-esperjenzi ta’ kunċerti mużikali passati f’teatri oħra matul it-33 sena tal-eżistenza tagħha, il-Kumpanija Teatru Rjal iddeċidiet li f’dan l-aspett tagħmel ukoll qabża fil-kwalità u torganizza kunċert tal-Milied spettakolari fit-teatru prestiġjuż ta’ Dar il-Mediterran, il-Belt. 

Il-kunċert, bl-isem ‘Jiddu l-Kwiekeb’, se jsir taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono nhar il-Ħadd 21 ta’ Diċembru 2025 fis-6.30pm. Parti mid-dħul għal dan il-kunċert se jmur b’risq il-Malta Community Chest Fund. 

Kif wieħed jista’ jistenna, il-kunċert se jinkludi kanzunetti marbutin direttament mal-festa sabiħa tal-Milied. Fost dawn interpretazzjonijiet immortali bħal ‘Oh Holy Night’, ‘When a Child is Born’ u medley ta’ siltiet bil-Malti familjari ferm għal snin twal mal-Maltin u l-Għawdxin. 

Madankollu dan mhux se jkun kunċert b’mużika tal-Milied biss. Se jinkludi wkoll siltiet mużikali oħra internazzjonali interpretati minn kantanti professjonali li żgur se jallegraw lill-udjenza preżenti.  Fuq il-palk se nassistu wkoll għal kor sabiħ tat-tfal bl-isem ‘Future Voices’ immexxi minn Maria Bellia u orkestra ta’ għaxar elementi taħt id-direzzjoni tas-Surmast Conrad Briffa. 

Ismijiet bħal Neville Refalo, Pamela, Petra, Ludwig Galea, Glen Vella, Ozzy Lino, J Anvil, Mark Tonna, Amber, Mariah u Sarah Muscat Micallef, flimkien mal-kor popolari VOCA taħt id-direzzjoni ta’ Nathalie Camilleri u Lara Bonnici huma biżżejjed biex jiggarantixxu serata mill-isbaħ u ta’ livell bla preċedent fil-produzzjonijiet imtellgħa mill-Kumpanija Teatru Rjal.  

Minn ħin għal ħin, fost sorpriżi oħra, se jitfaċċa fuq il-palk ukoll l-attur komiku Rodney Gauci. 

Hija karatteristika wkoll tal-Kumpanija Teatru Rjal, li kunċert bħal dan minbarra l-livell tal-mużika u l-kant, ikun animat u komplut bi spettaklu ta’ dwal u projections li jagħmlu l-esperjenza ta’ dawk preżenti waħda li ma tintesiex malajr. Min hu midħla tal-produzzjoni ta’ din il-kumpanija, jaf x’jista’ jistenna. 

Il-kunċert se jsir fuq serata waħda biss il-Hadd li gej 21 ta’ Dicembru. Booking  miftuħ minn fuq ktrmalta.com jew permezz tan-numru tat-telefon 99476468. 

Ejja niddevertu u nieħdu gost flimkien waqt li fl-istess ħin inkunu qegħdin ngħinu lill-Malta Community Chest Fund fil-ħidma imprezzabbli tagħha.