Dik li bdiet bħala ġlieda, spiċċat biex raġel kien imbuttat fit-triq u ntlaqat minn vettura li kienet għaddejja. Il-vittma spiċċa l-isptar f’qagħda kritika.
Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Gżira u li jaħdem fil-kostruzzjoni, jinsab akkużat li, waqt li kien taħt l-influwenza qawwija tal-alkoħol, imbotta lil dan ir-raġel fit-triq – u dan intlaqat minn karozza.
Il-każ seħħ qrib il-Bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville. U skont il-Pulizija, il-ġlieda bdiet bejn żewġ irġiel Kolombjani u raġel Malti. Iżda eskalat hekk kif il-partijiet involuti ħarġu minn bar lejn in-naħa tal-baħar.
F’ħin minnhom, wieħed mill-Kolombjani ġie mbuttat minn fuq il-bankina u ntlaqat minn vettura li kienet għaddejja.
F’Mater Dei sarulu seba’ x-rays fuq rasu, dahru, ġenbejh u spalltu biex jiġu esklużi ksur jew ġrieħi interni. It-tobba kkonfermaw li kien sofra trawma severa li affettwat b’mod sinifikanti l-mobilità tiegħu.
Waqt il-kontra-eżami, il-vittma ammetta li kien ikkonsma ftit alkoħol, iżda insista li ma kienx fis-sakra u ċaħad li pprovoka s-sitwazzjoni.
Il-Maġistrat Kevin Azzopardi ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-familja tiegħu
//= $special ?>

