Basketball Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Starlites Revive fl-ewwel post bla telfa fi tmiem l-ewwel round

Ritratt: Stephen Christopher Vella

Colin Schembri

Luxol Sherries Estates…..72

The Plaza Depiro………….85

(17-23)(23-23)(17-19)(15-20)

The Plaza Depiro kisbu rebħa importanti fil-kampjonat meta għelbu lil Luxol Sherries Estates 85–72. Id-differenza ħarġet mill-effiċjenza ġenerali tat-tim ta’ Depiro, speċjalment fiż-żona u mill-fast breaks, filwaqt li kienu wkoll aktar ordnati fil-pussessi. Luxol ippruvaw jibqgħu fil-logħba b’ħidma tajba fir-rebounds offensivi u punti mill-bank, iżda Depiro żammew vantaġġ kostanti u kkonfermaw ir-rebħa fl-aħħar taqsima. Dan ir-riżultat fisser li Depiro spiċċaw l-ewwel round waħedhom fit-tielet post. Depiro kellhom bidla waħda mill-aħħar partita hekk kif ġie lura Milovan Grubacic fil-waqt li Luxol kienu bl-istess formazzjoni li ġimgħa ilhu għelbu lil Valletta. Depiro ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 7-2 permezz ta’ Trevon Reddish u Cameron Cornelius. Nathan Xuereb poġġa lil Luxol minn fuq però punti minn Reddish reġgħu taw il-vantaġġ lil Depiro. Luxol kellhom mument tajjeb bi tlett trippli minn Miguel Brincat u Dominic Tomasi però kienu Depiro li temmew it-taqsima fuq quddiem wara run ta’ 7-0. Luxol li kienu momentarjament mingħajr l-Amerikan Burke Smith minħabba l-fouls komplew isibu diffikulta biex jagħmlu l-punti. Depiro minn naħa l-oħra bdew b’run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Sean Galea. Finalment Luxol għamlu l-ewwel punti bi trippla ta’ Isaac Azzopardi għal skor taż 23-32. Għal xi ħin Luxol reġgħu qorbu lejn l-avversarji wara trippli minn I.Azzopardi u Nathan Xuereb però sensiela ta’ punti minn Reddish u trippla ta’ Alessio Trapani raw lil Depiro jiftħu vantaġġ ta’ 8 punti 42-34. Johnson u Xuereb reġgħu wieġbu għal Luxol biex naqqsu d-distakk sal-halftime 40-46.

Fit-tielet sessjoni, wara basket fuq kull naħa, Luxol kellhom żewġ trippli minn Cappello u Johnson li rawhom jippareġjaw 50-50. Jean Paul Schembri wieġeb bi trippla għal Depiro u wara li Luxol għamlu żewġ baskets konsekuttivi, run ta’ 10-0 tat vantaġġ ieħor lil Depiro. Brincat ġab tlett punti lura għal Luxol u fl-aħħar attakk tat-taqsima Depiro ma skurjawx għal skor ta’ 57-65. Luxol tħabtu biex inaqqsu d-distakk però Cornelius u Galea baqgħu jiksbu l-punti għal Depiro. Johnson kellhu free-throws konsekuttivi biex f’nofs is-sessjoni Depiro kienu għadhom 78-69 minn fuq. Luxol, li tilfu lil Xuereb b’injury kellhom lil Johnson jikseb il-punti però 5 punti wara xulxin minn Cornelius u Reddish taw vantaġġ ta 11-il punt lil Depiro fl-aħħar żewġ minuti. Luxol ma setgħux jirkupraw anzi kien Trapani li għamel l-aħħar basket biex isiġġilla r-rebħa ta’ Depiro fuq skor ta’ 72-85.

Luxol Sherries Estates: A. Azzopardi 4, I. Azzopardi 6, N. Xuereb 9, J. Johnson 22, M. Brincat 9, D. Tomasi 5, B. Smith 10, S. Capello 7, S. Marra.

The Plaza Depiro: S. Galea 11, T. Reddish 26, J. Micallef, N. Zivkovic, L. Stefanovic, JP Schembri 3, A. Trapani 9, M. Grubacic, S. Kenely, C. Cornelius 27, N. Bozovic 9.

Referees: Gordon Barbara, Leonardo Silvero, Wendell Lim

Athleta AtoZ…………….102

Valletta Dream………….99

(31-24)(24-23)(27-31)(20-21)

Athleta AtoZ kisbu rebħa drammatika ta’ 102–99 kontra Valletta Dream f’partita bilanċjata ħafna li baqgħet miftuħa sal-aħħar sekondi. Il-logħba kienet mimlija bidliet fil-vantaġġ u ritmu għoli, b’Athleta jagħmlu differenza importanti mill-bank (21 punt kontra 2). Athleta kellhom nieqes lill-Amerikan Duane Goodman li kien biss spettatur fuq il-bank flimkien ma’ Andrej Bozanic u rkupraw lil Marcus Duffy u Ivan Medved. Valletta kienu mingħajr Nicholas Grech u Matteo Rieger. Valletta bdew tajjeb bi trippli minn Tyler Murray u Francesco Mifsud Bonnici. Athleta wkoll wieġbu bi trippli minn Seba Ebelashvili u Isaac Bonett qabel ma Valletta għamlu run ta’ 12-2 li poġġiethom 20-12 minn fuq. Hawn però waslet risposta minn Athleta li għamlu break ta’ 16-0 b’diversi punti minn Wesley Jordan flimkien ma’ Bonett u Juan Cefai biex temmew l-ewwel sessjoni 31-24 minn fuq. Fit-tieni perjodu kien hemm trippla minn Bonett flimkien mal-punti ta’ Cefai u Jordan. Valletta rrispondew bi break ta’ 11-0 maqsum bejn Eric Campbell u Murray biex naqqsu d-distakk għal punt 38-37. Ir-risposta tal-Athleta ġiet minn Ebelashvili flimkien ma’ Robert Vitale biex huma reġgħu ħadu vantaġġ ta’ 8 punti sal-intervall 55-47.

It-tielet taqsima rat lil Valletta idawwru l-iskor favurhom għal darb’oħra hekk kif fetħu bi trippli ta’ Kieron Caruna u l-punti ta’ Campbell għal skor ta’ 60-59. Għal ħin twil, iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin bil-vantaġġ jinbidel kontinwament għalkemm lejn tmiem Athleta għamlu run qasira ta’ 8-2 għal skor ta’ 82-78. Valletta għamlu l-iskor indaqs għal darb’oħra u saħansitra marru minn fuq wara punti minn Campbell  u Penaloza 83-89. Il-partita kellha tmiem drammatiku hekk kif ġiet deċiża fl-aħħar minuta. Trippla ta’ Juan Cefai għamlet l-iskor indaqs 97-97 bi 38 sekonda għat-tmiem però Valletta marru minn fuq bil-free-throws ta’ Murray. Fl-attakk sussegwenti kien Medved bi trippla li ħasad lill-Beltin u poġġa lill-Athleta minn fuq. Valletta ma skurjawx fl-aħħar attakk u Cefai ikkonkluda l-aħħar fast break għal skor finali ta’ 102-99.

Athleta AtoZ: K. Fabri, M. Duffy 6, S. Ebelashvili 13, R. Vitale 10, I. Bonnett 12, M. Spiteri, I. Medved 6, L. Borg 5, W. Jordan 30, J. Cefai 20.

Valletta Dream: F. Mifsud Bonnici 14, K. Caruana 21, E. Campbell 30, S. Vincic 6, T. Murray 26, F. Lisondra, C. Penaloza 2.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Andre Attard, Zvezdan Dobrosaviljevic

Hibernians…………..87

Starlites Revive……99

(19-27)(19-22)(20-31)(29-19)

Starlites Revive baqgħu l-uniku team bla telfa fil-kampjonat u fl-istaġun meta għelbu lil Hibernians 99–87 f’partita fejn huma kienu aktar konsistenti tul l-40 minuta. Prestazzjoni li spikkat kienet dik ta’ Alec Felice Pace, li mexxa lil Starlites b’wirja solida kemm fl-iskor partikolarment b’seba’ tripplu kif ukoll fil-ġestjoni tal-logħba b’5 assists, b’kontribut importanti minn barra u minn taħt il-basket.Starlites kellhom ukoll 24 punt mill-offensive rebounds kontra it-13 ta’ Hibs u kienu wkoll fil-vantaġġ għal ftit aktar minn 32 minuta. Hibs kienu mmexxija minn Daniele Miani fl-assenza tal-coach regolari tagħhom Christian Narciso li kien sospiż. Kienu Hibs li kellhom l-aħjar bidu meta għamlu l-ewwel 8 punti tal-partita kollha minn Ayomide Ajiboye. L-ewwel risposta ta’ Starlites waslet minn trippla ta’ Jackson Threadgill rebbieħ tal-BOV player tax-xahar għax-xahar ta’ Novembru. Għal xi ħin Hibs żammew il-vantaġġ però Starlites kellhom mument mill-aqwa b’ħames trippli konsekuttivi f’run ta’ 15-2 li rathom itemmu l-ewwel taqsima 27-19 minn fuq. Alec Felice Pace għamel tnejn flimkien ma’ tnejn oħra ta’ Miguel Fabri u oħra ta’ Ian Felice Pace. Fit-tieni perjodu, Starlites kabbru l-vantaġġ għal 12-il punt 35-23 wara aktar punti minn A. Felice Pace u Jayden Threadgill. Hibs irkupraw xi ftit bi break qasir ta’ 8-2 b’punti minn Neil Cassar u Elijah Simmons u naqqsu d-distakk għal seba’ punti. Starlites kellhom l-aħħar punti tas-sessjoni minn Musa Jallow u trippla ta’ Travis Fee għal skor ta’ 49-38.

Fit-tielet sessjoni, Starlites bdew bil-punti ta’ A. Felice Pace qabel ma Hibs irrispondew b’sitt punti konsekuttivi. Threadgill wieġeb għal Starlites però Hibs kellhom il-punti ta’ Piotr Stelmach għal skor ta’ 50-54. Hawn spikka A. Felice Pace bi tlett trippli konsekuttivi li reġgħu taw vantaġġ komdu lil Starlites. Hibs kellhom risposta minn Stelmach u Demcesen però Alec kompla sejjer bi trippli u assists lil sħabu għal skor ta’ 58-80 bi trippla ta’ Fabri fl-aħħar sekonda. Fl-aħħar taqsima, wara li Starlites kabbru l-vantaġġ bil-punti ta’ Fee u Jallow, Hibs għamlu sforz aħħari bi break ta’ 14-2 bi trippla ta’ Matthew Attard u naqqsu d-distakk għal 10 punti 80-90. Jallow irrisponda għal Starlites b’ħames punti flimkien ma’ I. Felice Pace li għamel erba’ free-throws konsekuttivi li bihom għalaq il-partita favur Starlites fuq skor finali ta’ 99-87.

Hibernians: N. Cassar 8, E. Simmons 18, A. Ajiboye 22, L. Attard, P. Stelmach 10, V. Kustudija, D. Jackson 9, M. Attard 3, T. Gjurovski, I. Demcesen 15, S. Simic 2.

Starlites Revive: A. Felice Pace 29, K. Fabri, T. Fee 15, A. Aquilina, G. Camilleri, I. Felice Pace 5, M. Fabri 14,  Z. Said Hollier, M. Scerri, J. Iturmendi 8, J. Threadgill 11, M. Jallow 17.

Referees: Bernard Vassallo, Nestor Rincon, Miguel Fe Flavia.