Lokali Unjoni Ewropea

L-UE se telimina gradwalment l-importazzjonijiet tal-gass Russu

Il-liġi l-ġdida adottata mill-Parlament Eweopew se tipproteġi s-sigurtà tal-enerġija tal-UE milli tintuża bħala arma mill-Federazzjoni Russa.

Is-suq spot tal-gass naturali likwifikat (LNG) Russu se jiġi pprojbit mill-UE ladarba r-regolament jidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2026, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-gass bil-pipeline se jitneħħew gradwalment sat-30 ta’ Settembru 2027.

Matul in-negozjati, il-koleġiżlaturi avvanzaw l-iskedi ta’ żmien għat-tneħħija gradwali għall-biċċa l-kbira tal-kuntratti ta’ importazzjoni. Il-liġi l-ġdida tistabbilixxi wkoll penali, li għandhom jiġu infurzati mill-Istati Membri, kontra operaturi li jiksru din il-liġi.

It-tħejjija għal projbizzjoni fuq l-importazzjoni taż-żejt

Matul in-negozjati mal-presidenza Daniża tal-Kunsill, l-MEPs insistew fuq il-projbizzjoni tal-importazzjonijiet kollha taż-żejt Russu u żguraw impenn mill-Kummissjoni Ewropea li tippreżenta leġiżlazzjoni għal dan fil-bidu tal-2026. Dan biex il-projbizzjoni effettiva tkun tista’ tidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn tmiem l-2027.

L-MEPs insistew ukoll għal kundizzjonijiet aktar stretti li taħthom tista’ sseħħ sospensjoni temporanja tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE.

Biex jingħalqu l-lakuni u jittaffa r-riskju li r-regoli jiġu evitati, l-operaturi se jkollhom jipprovdu evidenza aktar stretta u aktar dettaljata tal-pajjiż tal-produzzjoni tal-gass tagħhom, lill-awtoritajiet doganali qabel l-importazzjoni jew il-ħżin tiegħu.

Il-leġiżlazzjoni, li diġa ntlaħaq ftehim mal-Kunsill dwarha, ġiet adottata b’500 vot favur, 120 vot kontra u 32 astensjonijiet. Issa se jkollha tiġi approvata formalment mill-Kunsill qabel ma tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali.

Din il-proposta leġiżlattiva hija rispons għall-użu sistematiku tal-provvisti tal-enerġija bħala arma mir-Russja, xejra ddokumentata matul kważi għoxrin sena u li qed teskala bl-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna fl-2022. L-invażjoni tal-2022 wasslet għal aktar manipulazzjoni intenzjonata tas-suq, inkluż in-nuqqas ta’ mili bla preċedent tal-faċilitajiet ta’ ħżin tal-UE minn Gazprom u l-waqfien f’daqqa tal-pipelines. Dan wassal biex il-prezzijiet tal-enerġija jiżdiedu sa tmien darbiet il-livelli tagħhom ta’ qabel il-kriżi.