Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare li ried jipposponi l-kawża, hekk kif kien mistenni li jixhed fil-Qorti Amerikana – għaliex skont hu dak li joħroġ f’dik ix-xhieda jista’ jintuża kontrih fil-proċeduri f’Malta.
Apparti minn hekk, l-avukati tal-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare Ralph de la Torre allegaw ukoll li b’dawn il-proċeduri paralleli kapaċi jkun hemm ksur tad-drittijiet tiegħu.
Ralph de la Torre qed jaffaċċja proċeduri b’rabta mal-frodi fl-iskandlu tal-isptarijiet – skandlu fejn il-poplu Malti u Għawdxi nsteraq miljuni ta’ ewro.
Bl-isptarijiet ġew lura għand il-poplu grazzi għall-kawża li kien fetaħ l-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Infatti, ftit taż-żmien wara li ħarġu s-sentenzi mill-Qorti, Steward Healthcare ddikjara li l-kumpanija hi falluta.
Fil-Qorti, intqal li fl-Istati Uniti De La Torre ġie msejjaħ biex jixhed fil-konfront tal-falliment tal-kumpanija u l-allegat misappropjazzjoni ta’ fondi.
Ralph De La Torre talab lill-Qorti biex jew tipprevjeni kwalunkwe azzjoni kriminali kontrih jew, skont il-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, tissospendi l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sakemm il-każ tal-Istati Uniti jiġi konkluż.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti Maltija innutat li l-proċeduri fl-Istati Uniti għadhom ma bdewx u li De La Torre m’għandux konferma li se jkun qed jixhed. Innutat ukoll li m’hemmx ksur ta’ drittijiet peress li għadu ma tax it-testimonjanza – u x-xhieda ma tinsabx fir-rekords lokali.
Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet it-talba ta’ De La Torre.


