Opinjoni

Opinjoni: In-Newtralità  – Niżviluppawha b’għaqal

Fil-jiem li għaddew kienu varati numru ta’ ħsibijiet dwar in-newtralità ta’ pajjiżna... Tkellem dwarha kemm l-Eks Prim Ministru Alfred Sant u anki l-Eks Kummissarju Ewropew Tonio Borg

Peter Agius
Ewroparlamentari Nazzjonalista
fil-Parlament Ewropew

In-newtralità kostituzzjonali ta’ pajjiżna għalina hija importanti u rridu nsejsu l-politika tagħna fl-Ewropa madwarna.
Ir-responsabbiltà tagħna iżda mhix biss li nirrispettaw in-newtralità iżda li nużawha u niżviluppawha b’mod għaqli skont l-isfidi tal-mument.
Dan ifisser li rridu nkunu miftuħa u niċċaqilqu b’mod għaqli fl-Ewropa biex nakkwistaw opportunitajiet għal Malta biex tabilħaqq insaħħu n-newtralità tagħna.
Dan jista’ jsir billi ninvestu aktar fil-kapaċitajiet tal-forzi militari tagħna fejn għandna ’l fuq minn 2,500 persunal dedikat li rridu ninvestu aktar fihom biex dawn ikunu t-tarka tan-newtralità ta’ pajjiżna.
Għal dan l-għan nsibha diffiċli nifhem kif il-Gvern baqa’ ma ħa l-ebda inizjattiva biex il-persunal tal-AFM Malti mhux invout fl-ebda proġett ta’ taħriġ jew capacity building fil-kuntratt tal-PESCO li hu programm ta’ kooperazzjoni mhux militari u ta’ difiża fl-Unjoni Ewropea.
Malta hija fost tliet pajjiżi oħra Ewropej newtrali fl-Unjoni Ewropea.
Il-pajjiżi l-oħra newtrali, ċioè l-Awstrija u l-Irlanda, qegħdin jipparteċipaw attivament fil-PESCO.
Bħalissa l-PESCO għadu 74 proġett operattiv bejn il-pajjiżi Ewropej li jinkludi ħafna proġetti bla ebda aspett militari.
Nemmen li Malta tista’ tibbenefika qatigħ minn proġetti PESCO fil-qasam Marittimu u tas-CYBER security.
Nemmen li pajjiżna jista’ jgawdi minn diskussjoni vasta infurmata u serja dwar dan; diskussjoni li tista’ twassal għall-pożizzjoni nazzjonali ċara li aħna lesti niddefendu u nippromwovu wkoll fil-Parlamennt Ewropew u fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew.

L-aħbar dwar il-Microtek Medical
Inkwetat kif il-kumpanija Microtek Medical għalqet il-fabbrika u keċċiet 96 ħaddiem. L-ewwel ħsieb tiegħi fil-fatt huwa għal dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom. Resqin lejn Milied ta’ inċertezza. Nappella lill-awtoritajiet biex jagħmlu minn kollox biex dawn il-ħaddiema ngħinuhom isibu impjieg ieħor fejn jużaw dak li tgħallmu.
It-tieni ħsieb tiegħi huwa fuq it-tip ta’ ekonomija li qed imexxi pajjiżna. Waqt li għalqet Malta u keċċiet lil dawn is-96 ħaddiem, il-Medline – il-parent company tal-Microtek, qed iżżid 300 impjieg fis-Slovakkja.
Fil-midja Slovakka tħabbar li din il-kumpanija imbarkat fuq investimenti ġodda tal-Medline li se jkunu qed jikkreaw mijiet ta’ impjiegi oħra..
Il-kumpanija tikber qegħda mhux tiċkien. Mela għaliex għalqet Malta?
Milli qrajna fil-midja internazzjonali,il-Medline qegħda żżid il-produzzjoni u qed tfittex infrastruttura loġistika b’saħħita biex tqassam mediċini mal-Ewropa kollha. Allura nistaqsi:
Malta ma setgħetx toffri dan?
Użajna l-għodda kollha Ewropea, fosthom miljuni ta’ fondi disponibbli għar-riċerka medika?
Jgħidu li bħalissa Malta hawn ix-xogħol – imma x’pagi qed joffru l-impjiegi ġodda li qed noħolqu? Qed isir dejjem aktar ċar li waqt li l-Gvern mehdi jitpaxxa bl-ekonomija taż-żieda tal-popolazzjoni qed nitilfu l-logħba internazzjonali tal-investimenti ta’ kwalità li joħolqu l-impjegi mħallsa tajjeb.
L-istqarrija tal-Ministru Silvio Schembri ma ttina l-ebda ħjiel dwar dan kollu. Naħseb ikun tajjeb kieku l-Ministru jirrispondi dawn id-domandi.
Għaliex telqet il-Medline minn Malta u x’qed jagħmel il-Gvern biex iżomm li għandna u jattira impjiegi ġodda ta’ kwalità li jħallsu tajjeb?

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 14 ta’ Diċembru, 2025.