Fi PROFILI tal-lejla se nkunu qed niltaqgħu ma’ Charles Dalli, jew kif ħafna jafuh bħala Charlie tal-X-tend. Mal-profil se jkollna diskussjoni allegruża, b’elementi festivi se jinħarġu matul il-programm, bil-karattru tal-profil jispikka fil-kreattività u l-imħabba lejn il-ħajja.
“Il-Milied għandu jqarribna aktar lejn is-sewwa, lejn Ġesù, u għandna nagħmlu minn kollox biex inżommu t-tajjeb matul is-sena kollha”.
In-noti ta’ allegrija mhux biss se jeħduna fuq il-kanzunetti tal-Milied ta’ X-tend, imma wkoll il-karriera mużikali ta’ Charles fi ħdan dan il-grupp, u s-suċċess li flimkien ma’ sħabu nkiseb fl-Italja u lil hinn.
Ir-rakkonti ta’ Charles se jġibu tbissima mhux ftit – bil-karriera ta’ suċċess mhux l-ewwel darba li wasslet lill-profil biex iwettaq xi paprata.
Konna quddiem il-Qorti, inkantaw, u dan ir-raġel ma waqafx ixejjer… jien m’għaraftux, u wara l-ispettaklu mort fuqu, għedtlu nqala’ xi ħaġa? Wieġeb: “Kellek il-kużakk miftuħ”.
PROFILI, illejla fid-9.35pm fuq NET TV, bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ James Aaron Ellul, b’muntaġġ ta’ Philip Grech
Wieħed jista’ jsegwi l-episodji kollha ta’ ‘PROFILI’ fuq YouTube jew anki Spotify.



