Lokali Unjoni Ewropea

Rapportar simplifikat dwar is-sostenibbiltà u regoli dwar id-diliġenza dovuta għan-negozji

Ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà se jkun meħtieġ minn kumpaniji b’aktar minn 1,000 impjegat u b’fatturat annwali nett ta’ aktar minn €450 miljun

Il-Parlament Ewropew approva ftehim proviżorju bejn il-Membri tal-PE u l-gvernijiet tal-UE fuq ir-rapportar aġġornat dwar is-sostenibbiltà u r-regoli dwar id-diliġenza dovuta għall-kumpaniji.

Ir-regoli riformati se japplikaw għal inqas kumpaniji u jnaqqsu xi obbligi għad-ditti biex b’hekk isaħħu l-kompetittività tal-UE.

Rapportar aktar faċli dwar is-sostenibbiltà

Huma biss il-kumpaniji tal-UE li jimpjegaw medja ta’ aktar minn 1,000 impjegat u b’fatturat annwali nett ta’ aktar minn €450 miljun li se jkollhom iwettqu rapportar soċjali u ambjentali. Ir-regoli se japplikaw ukoll għal kumpaniji mhux tal-UE b’fatturat nett fl-UE ta’ aktar minn €450 miljun u għas-sussidjarji u l-fergħat tagħhom li jiġġeneraw fatturat ogħla minn €200 miljun fl-UE.

Ir-rekwiżiti ta’ rapportar se jiġu ssimplifikati b’mod sinifikanti, u r-rapportar speċifiku għas-settur se jsir volontarju. Il-koleġiżlaturi żguraw li l-kumpaniji obbligati li jħejju r-rapportar dwar is-sostenibbiltà, ma jitfgħux dik ir-responsabbiltà fuq is-sħab kummerċjali iżgħar tagħhom.

Id-ditti b’anqas minn 1,000 impjegat mhux se jkollhom jipprovdu informazzjoni lis-sħab kummerċjali akbar tagħhom, lil hinn minn dak li huwa inkluż fl-istandards tar-rapportar volontarju.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi portal diġitali b’aċċess għal mudelli u linji gwida dwar ir-rekwiżiti ta’ rapportar tal-UE u dawk nazzjonali, biex tiffaċilita l-konformità.

Obbligi ta’ diliġenza dovuta għal korporazzjonijiet kbar ħafna

Inqas kumpaniji se jkollhom bżonn iwettqu d-diliġenza dovuta biex inaqqsu l-impatt negattiv tagħhom fuq in-nies u fuq il-pjaneta.

Skont ir-regoli riveduti, dan se jkun meħtieġ biss minn korporazzjonijiet kbar tal-UE b’aktar minn 5,000 impjegat u b’fatturat annwali nett ta’ aktar minn €1.5 biljun u minn kumpaniji mhux tal-UE b’fatturat ogħla mill-istess limitu fl-UE.

Huma se jkollhom iwettqu eżerċizzji ta’ identifikazzjoni bikrija biex jidentifikaw ir-riskji fil-katina tal-attivitajiet tagħhom u jridu jitolbu biss informazzjoni mis-sħab kummerċjali b’anqas minn 5,000 impjegat meta jkun neċessarju għal valutazzjoni fil-fond.

Il-pjanijiet ta’ tranżizzjoni li jiżguraw li l-mudell tan-negozju ta’ kumpanija jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli mhux se jibqgħu meħtieġa. In-negozji se jkunu responsabbli fuq livell nazzjonali għan-nuqqas ta’ applikazzjoni korretta tar-regoli u jistgħu jiffaċċjaw multi sa 3% tal-fatturat nett dinji tad-ditta.

Se tidħol fis-seħħ fl-2029 għan-negozji kollha

Id-direttiva dwar id-diliġenza dovuta se tidħol fis-seħħ fis-26 ta’ Lulju 2029 għan-negozji kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha

It-test ġie adottat b’428 voti favur, 218 voti kontra u 17-il astensjoni. Issa se jkollu jiġi approvat formalment mill-Kunsill ukoll. Id-direttiva se tidħol fis-seħħ għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali.

Ir-regoli aġġornati dwar is-sostenibbiltà huma parti mill-pakkett ta’ simplifikazzjoni Omnibus I tal-Kummissjoni. Dan ġie ppreżentat fi Frar 2025 bil-għan li titnaqqas il-burokrazija u li l-konformità mar-regoli dwar is-sostenibbiltà ssir aktar faċli għan-negozji. B’hekk tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE.

Din il-proposta tfittex li tissimplifikahom u tnaqqas il-piż amministrattiv għall-kumpaniji.