Lokali

Se tieqaf għal kollox il-pompa tal-petrol Carlo Cini Ltd

Kull bidu fih it-tmiem tiegħu.

Kien dan is-sentiment li esprimiet Roberta Cini – sid il-pompa tal-petrol Carlo Cini Ltd, li se tkun qed tagħlaq il-bibien tagħha darba għal dejjem, wara aktar minn 60 sena ta’ servizz, f’lejlet l-ewwel tas-sena. Dan minħabba proġett li se jsir minn Infrastructure Malta biex titwessa t-triq.

F’intervista li għamel NET News lil Roberta Cini f’din l-istess pompa fil-Marsa, hija rrakkontatilna l-istorja ta’ din il-pompa .. li tmur lura għexieren ta’ snin. Qaltilna li n-nannu tagħha, Roberto Cini, ħadha mingħand il-kumpanija SHELL fis-sittinijiet, u li fl-1964, missierha, Carlo Cini, niżel lura mill-Ingilterra u beda jmexxiha hu.

Mistoqsija dwar kif tħossha rigward il-fatt li wara erba’ ġenerazzjonijiet ta’ servizz, hi qaltilna illi l-għeluq ta’ din il-pompa se jħallilha togħma morra.

Is-sid tal-pompa, temmet b’ringrazzjament lil fornituri u l-klijenti kollha tagħha, u n-nies kollha li servew tul dawn is-snin.