Internazzjonali

Unjoni Ewropea: Ursula von der Leyen twissi dwar ‘ir-realtà perikoluża’ qabel is-summit importanti tal-Ħamis

 

Is-summit tal-Ħamis għas-27 Mexxejja tal-Unjoni Ewropea se jsir fi żmien meta l-Ewropa qed tiffaċċja l-akbar sfidi u perikli għas-sigurtà miż-żmenijiet ta’ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija.

Dan meta l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, fl-aħħar sigħat, enfasizzat is-sinifikat tal-aħħar żviluppi u xejriet li qed itellgħu sħaba sewda fuq il-kontinent… Okkażjoni fejn hi spjegat il-ħtieġa li l-Istati Ewropej jingħaqdu aktar minn qabel bħala kollettiv fost it-tfassil ta’ strateġiji ġodda għat-tisħiħ tas-sigurtà f’perjodu daqstant delikat għalihom.

F’dan il-kuntest, Von der Leyen ma żammitx lura milli titkellem dwar ‘dinja mimlija bl-Istati predaturi’ filwaqt li wissiet dwar il-potenzjal ta’ ġerarkija internazzjonali ġdida bażata biss fuq l-influwenza u s-saħħa ta’ pajjiżi partikulari…Dan ukoll f’sitwazzjoni fejn l-Istati Uniti ta’ Donald Trump, wara snin twal ta’ alleanza soda mal-Ewropa, illum qed taddotta politika ‘pjuttost ostili’ fir-rigward tal-kontinent.

Fil-fatt, u waqt diskors fi Strasbourg, Ursula von der Leyen qalet li ‘il-paċi li baqgħet effettiva għal daqstant snin wara t-Tieni Gwerra issa spiċċat u li l-pajjiżi tal-Ewropa ma jistgħux jibqgħu ffissati fin-nostalġija’.

Hi kompliet li l-unika ħaġa importanti jibqa’ il-mod kif il-kontinent kollu jaffronta dawn l-isfidi kbar u imprevedibbli, filwaqt li jirrealizzaw l-urġenza tal-mument….Mument ta’ importanza akuta li qed jinħass minn kulħadd.

L-Unjoni Ewropea għandha tiddeċiedi malajr dwar żewġ issues kritiċi li se jiffissaw l-‘image’ globali tagħha flimkien mal-influwenza ta’ dan il-Blokk ta’ Pajjiżi minn aspett internazzjonali.

U l-aktar impenn kruċjali jinvolvi l-ħidma biex l-Ukrajna tibqa’ ‘iżżomm fil-wiċċ’ minn aspett ekonomiku filwaqt li tibqa’ b’saħħitha biżżejjed biex tilqa’ għall-aggressjoni tar-Russja.

Dan meta Ursula von der Leyen qed tiffavorixxi pjan mingħajr preċedent biex l-assi friżati tar-Russja li qed jinżammu l-Ewropa jintużaw fi skema ta’ self lill-Ukrajna għar-rikostruzzjoni mill-ġdid tal-pajjiż wara snin ta’ gwerra — u bħala proġett għar-reparazzjonijiet.

Madankollu, mhux il-Mexxejja kollha tal-UE qegħdin jaqblu dwar din l-iskema u meta l-Belġju – fejn qed jinżammu l-maġġoranza ta’ dawn l-assi friżati – mhux konvint li von der Leyen qed tindirizza kif suppost id-domandi tiegħu biex l-element ta’ sogru involut jinqasam b’mod ugwali bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni issue fuq l-aġenda tas-summit, sadanittant, tinvolvi deċiżjoni dwar jekk l-UE tikkonkludix ftehim għall-kummerċ ħieles mal-Blokk ‘Mercosur’ tal-Pajjiżi Latini Amerikani u fost ir-restawr ta’ fiduċja fil-ftehim kummerċjali bażati fuq ir-regoli fissi…Impenn għaz-zamma tar-regoli stabbiliti li tilef ħafna mis-saħħa li kellu mindu Donald Trump sar President tal-Istati Uniti għat-tieni darba.

In-negozjati dwar il-free trade deal mal-‘Mercosur’ kienu bdew proprju 25 sena ilu, bil-pjan jesiġi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Istati-membri – jiġifieri, 15-il pajjiż li jirrappreżentaw talanqas 65 fil-mija tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea.