Internazzjonali

Wara l-Massakru fil-Bajja ta’ Bondi: Jitressqu akkużi formali ta’ terroriżmu u omiċidju tal-massa fil-konfront ta’ Naveed Akram

Wieħed mill-aggressuri li, nhar il-Ħadd, wettqu l-massakru storiku fil-Bajja ta’ Bondi qed jiffaċċja xejn anqas minn 59 għadd ta’ akkuża formali li jinkludu akkużi dwar it-terroriżmu u ta’ omiċidu tal-massa.

Naveed Akram li, flimkien ma’ missieru, Sajid, wettaq l-isparatura fuq il-folol li kienu qed jipparteċipaw f’ċerimonja għall-komunità tal-Lhud fil-bajja ta’ Sydney, kien spiċċa midrub serjament waqt konfront mal-pulizija….Konfront li fih Sajid tilef ħajtu wara li qala’ tiri fatali mingħand il-membri tal-Korp.

Fil-massakru ta’ Bondi = l-agħar wieħed fl-istorja moderna tal-Awstralja – inqatlu 15-il persuna innoċenti, b’għexieren oħra jindarbu, uħud kritikament.

Naveed Akram, li wkoll kien indarab serjament mill-isparar tal-pulizija, issa jinsab f’sensih wara li qatta’ l-aħħar jiem l-isptar f’koma.

Akram, intant, qed jiffaċċja 40 akkuża dwar aggrediment  bil-ħsieb ta’ omiċidju kif ukoll dwar ‘dimostrazzjoni ta’ simbolu projbit ta’ organizzazzjoni terroristika’ …L-aħħar akkuża hi relatata mal-fatt li nstabu l-bnadar tal-ISIS fil-vettura taż-żewġ qattiela.

Il-Qorti fi New South Wales qalet, sadanittant, li l-każ ta’ Naveed Akram qed ikun aġġornat sa April li ġej. Dan ukoll wara li l-Kummissarju tal-Pulizija f’New South Wales, qal li l-awtoritajiet qed jistennew biex it-terrorista jiġi f’tiegħu sew qabel hu jista’ jispiċċa suġġett għal interrogazzjoni sħiħa ‘u fejn hu jifhem eżatt xi jkun għaddej’.

Il-Pulizija Awstraljana, issa, qed titratta l-isparatura f’Bondi bħala attakk terroristiku premeditat li kien ilu fi stadju ta’ ippjanar…Għalissa mhux magħruf x’kien l-iskop tal-missier u l-iben meta huma, qabel il-massakru, kienu marru għal żmien f’Davao, fil-Filippini. Madankollu, l-investigaturi qegħdin jaħdmu fuq il-probabbiltà li ż-żewġ irġiel ingħataw taħriġ militari minn xi grupp tal-militanti f’dak il-pajjiż.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Awstraljan Anthony Albanese qed jgħid li l-massakru f’Bondi jidher li kien immotivat mill-ideoloġija tal-ISIS, anki jekk Sajid u Naveed Akram ma kienux fuq il-watch-list tat-taqsima tal-Pulizija inkarigata mill-azzjonijiet anti-terroristiċi. Dan ukoll meta ż-żewġ qattiela ma kienu qatt indikati bħala ‘ta’ theddida immedjata għall-pubbliku’.

Il-Prim Ministru Albanese, fil-preżent, qed jattendi l-funerali ta’ uħud mill-vittmi tal-isparatura u meta, illum, qed jirribatti kritika mill-komunità tal-Lhud residenti fl-Awstralja talli hu, allegatament, ma ħax biżżejjed azzjoni rigward il-mewġa tal- antisemitiżmu li qed tikber f’dan il-pajjiż.

Albanese qed jgħid li hu kien ħa sensiela ta’ miżuri li jinkludu l-ewwel ħatra ta’ Uffiċjal inkarigat mill-inizjattivi biex irażżnu l-antisemitiżmu u fost it-tisħiħ tal-liġijiet kontra l-hate speech. Dan waqt li hu anki żied il-finanzjament għall-proġetti bażati fuq il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp tal-Istituzzjonijiet tal-Lhud fl-Awstralja.