Lokali Unjoni Ewropea

AĠĠORNATA: Diversi laqgħat importanti għal Alex Borg fi Brussell

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illum ingħaqad mal-mexxejja l-oħra tal-partiti membri fil-Partit Popolari Ewropew u pparteċipa fis-summit tal-EPP li ddiskuta t-temi li se jkunu fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew li jitlaqqa’ f’dawn il-jumejn mill-Presidenza Daniża tal-UE.

Dan kien l-ewwel summit ta’ Alex Borg fi Brussell, li għalih il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea.

Is-summit tmexxa mill-President tal-EPP u Chairman tal-Grupp tal-EPP fil-Parlament Ewropew Manfred Weber u fuq l-aġenda kellu diversi temi importanti.

Is-summit tal-UE, imbagħad, se jibda ftit wara l-laqgħa tal-EPP. U fost diversi suġġetti se jiddiskuti l-aħħar żviluppi b’rabta mal-gwerra fl-Ukrajna u l-assistenza finanzjarja lil dan il-pajjiż, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, it-tkabbir tal-UE u l-Budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta’ snin 2028-2034.