Lokali

Eks editur ta’ One News jgħid li Jason Micallef qed juża l-istess tattika ta’ Donald Trump

L-eks editur ta’ One News, Sandro Mangion, ikkundanna l-attakk li għamel l-uffiċjal Laburista Jason Micallef fuq ġurnalista ta’ Newsbook – tant li qabblu mal-istrateġija li juża l-President Trump biex isikket lill-midja.

Fuq Facebook, Sandro Mangion insista illi li wieħed jattakka lill-ġurnalisti personalment meta jistaqsu xi ħaġa li tagħmilna skomdi hija inkwetanti. Hija l-istess tattika li juża Trump meta ġurnalisti, speċjalment nisa, joqorsuh fil-laħam il-ħaj.

“Għax wieħed ikun ġurnalist ma’ organizzazzjoni tal-midja li ma tappartjenix għal stazzjon politiku, ma jfissirx li ma jibqagħlux id-dritt li jkollu twemmin politiku u li jkollu pożizzjoni dwar dak li jkun qed iseħħ madwarna”, kiteb l-eks editur ta’ One News.

“Ma għoġobnix għal kollox l-istil kif għamlet is-servizz tagħha Christine, ħa nkun ċar, imma l-attakki fuq il-ġurnalisti individwali minn min għandu l-poter u hu mħallas mit-taxxi tal-Maltin kollha meta dawn ma jitfgħulux biss softballs mhux aċċettabbli f’demokrazija. Nafu sew din il-kultura fejn tista’ twassal.”