L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ikkundanna b’saħħa l-attakki li qed jagħmel Jason Micallef fuq il-ġurnalisti, sempliċiment għaliex qed ikomplu jinvestigaw il-każ serju tar-ramel li tpoġġa fil-picnic area ta’ Ta’ Qali – azzjoni li swiet lill-poplu xejn anqas minn €311,000.
L-aħħar attakk tad-Delegat Speċjali Laburista kien indirizzat lejn ġurnalista ta’ Newsbook. Bl-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jgħid li din kienet azzjoni ta’ intimidazzjoni, harassment u bullying minn naħa ta’ Jason Micallef – li għażel li saħansitra juża ritratt tal-istess ġurnalista u jċappsu fuq Facebook biex jinstiga aktar insulti u attakki.
“Dan l-atteġjament ta’ Jason Micallef huwa inaċċettabbli f’soċjetà demokratika”, spjega l-IĠM fl-istqarrija li ħareġ.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qed jinsisti li Micallef ineħħi l-post li għamel fuq Facebook u jiskuża ruħu mal-ġurnalista.
Intant, anke l-organizzazzjoni PEN Malta ikkundannat il-kitba ta’ Jason Micallef u qalet li wara sitt snin mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jidher li hawn min għadu ma tgħallem assulutament xejn.
//= $special ?>

