Monstrożità li turi l-falliment fl-ippjanar tal-Gvern ta’ Robert Abela
Ilbieraħ rajna l-inawgurazzjoni tal-proġett tal-flyover tal-Imsida. Illum diġà kien evidenti li din mhux talli ma solvietx il-problema tat-traffiku fiz-zona, iżda wasslet għal aktar iġġammjar f’diversi rħula oħrajn. Anke min mhux perit seta’ jobsor li l-flyover mhux se ssolvi s-sitwazzjoni f’zoni problematiċi oħra li hemm fil-viċin.
Kieku ried jagħmel l-affarijet bis-serjetà, minflok ma qabad u bena din il-monstrożità, il-Gvern ta’ Robert Abela messu l-ewwel indirizza dawk l-isfidi. Madanakollu, u minkejja diversi twissijiet, il-Gvern xorta għażel li jirrovina ċ-ċentru tal-Imsida bi flyover b’karreġġjata waħda.
Dan ifisser li jekk iseħħ imqar l-iżgħar inċident, jeħel kollox, inkluż ambulanzi jew vetturi tal-emerġenza oħra kif ukoll persuni fi triqthom lejn l-Isptar Mater Dei.
Il-Kunsill Lokali tal-Imsida, immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, ilu aktar minn sena jqajjem dawn il-punti mal-Gvern, kif ukoll jitlob laqgħat mal-Ministru Chris Bonett biex jitkellmu fost l-oħrajn fuq il-flyover. Minflok, il-Ministru żar il-post mingħajr ma lanqas biss avża lill-Kunsill Lokali. Kien biss nhar it-Tnejn li għadda, meta kien kollox lest għall-qtugħ taż-żigarella, li l-Ministru aċċetta li jmur l-Imsida.
It-tħassib tal-Kunsill Lokali jirrifletti wkoll l-ilmenti tar-residenti Misidjani u dawk li jużaw din il-lokalità ċentrali.
Il-Gvern ta’ Robert Abela – li lbieraħ mar jimxi ma’ Chris Bonett f’din il-lane waħda vojta qabel ma fetaħha għat-traffiku – ikompli jikkonferma kemm qed jibqa’ għaddej romblu minn fuq kulħadd.
Fl-ewwel ftit sigħat mindu nfetħet kien ċar li s-suppost pjan tal-Gvern ma ħadimx u n-nies xorta qed jispiċċaw iqattgħu ħinijiet twal imwaħħlin fit-traffiku. Dan hu r-riżultat tar-ras iebsa u n-nuqqas ta’ ppjanar li llum saru timbru tal-proġetti infrastrutturali ta’ dan il-Gvern.
Sadanittant, filwaqt li f’temp ta’ sena bena din il-monstrożità fiċ-ċentru tal-Imsida, dan il-Gvern lill-istess residenti tal-Imsida ħallihom mingħajr Għassa tal-Pulizija – li ilha magħluqa għal aktar minn sentejn, mingħajr Dar tal-Anzjani – li ilha mwaqqgħa diversi snin u issa spiċċat parkeġġ għall-karozzi, u mingħajr Berġa għal dawn l-aħħar erba’ snin.
//= $special ?>

