Mitejn sena ilu, f’April tal-1825, Mikiel Anton Vassalli fetaħ l-ewwel skola tal-Malti fl-Università ta’ Malta, fil-bini storiku tal-Belt illum magħruf bħala l-Valletta Campus.
Waqt kommemorazzjoni ta’ din il-ġrajja storika fis-16 ta’ Diċembru 2025, bis-sehem tar-Rettur, il-Prof. Alfred J. Vella, David Agius Muscat u Olvin Vella tkellmu dwar dokumentazzjoni ġdida li tinkludi l-programm tal-lezzjonijiet, bil-ġranet u l-ħinijiet, u l-kontenut tal-lezzjonijiet. Din hija l-ewwel referenza dettaljata li għandna għat-tagħlim tal-Malti fl-Università.
Fid-diskors tal-ftuħ, ir-Rettur tal-Università qal li mill-ewwel aċċetta l-istedina tad-Dipartiment tal-Malti biex jieħu sehem f’dan l-avveniment storiku għax jemmen li bħala istituzzjoni nazzjonali, l-Università ta’ Malta għandha tħares ir-rwol ċentrali tal-Malti bħala l-ilsien nazzjonali.
Waqt li tkellem fuq id-dimensjoni internazzjonali tal-Università u l-importanza tal-użu tal-Ingliż fl-amministrazzjoni u t-tagħlim, il-Prof. Vella fakkar li l-Università ta’ Malta hija l-unika istituzzjoni terzjarja li tesiġi kwalifika fil-Malti mill-istudenti Maltin li jagħmlu l-korsijiet tagħha fl-ewwel grad. Ir-Rettur insista li, bil-preżenza tiegħu f’din il-kommemorazzjoni, ried jirriafferma din il-pożizzjoni tal-Università, għax, jekk tinbidel, issir ħsara kbira — u forsi irreparabbli — lill-istudju tal-Malti, l-ilsien nazzjonali.
David Agius Muscat huwa lettur anzjan fid-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College u għadu kemm temm id-dottorat tiegħu b’riċerka fuq il-Malti fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax. Huwa l-awtur ta’ bijografija dwar Fortunato Panzavecchia u ta’ pubblikazzjoni dwar sejbiet ġodda relatati ma’ Mikiel Anton Vassalli.
Kien qalb il-karti ta’ Panzavecchia, is-segretarju tal-Kunsill tal-Università, li sab din id-dokumentazzjoni ġdida. Fid-diskors tiegħu dwar “Vassalli u l-Ewwel Skola tal-Malti fl-Università fl-1825,” il-kelliem ħabbar li wasal biex jippubblika ktejjeb b’tagħrif ġdid marbut mal-bidu tal-kors tal-Malti fl-Università.
Olvin Vella, lettur anzjan fid-Dipartiment tal-Malti fl-Università, li kkoordina l-interventi akkademiċi li saru fil-kommemorazzjoni, ilu involut f’inizjattivi biex tiġi ppubblikata r-riċerka li qed issir minn ħafna nies fuq Vassalli.
F’intervent dwar “Vassalli u r-Riċerkaturi,” Vella tkellem fuq is-sehem tal-Mons Karm Sant, il-Prof. Frans Ciappara, Ġużè Cassar Pullicino, il-Prof. Alain Blondy u David Agius Muscat biex idawlu l-aktar partijiet oskuri tal-ħidma ta’ Vassalli. Huwa nnota l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni sħiħa li ilha teżisti bejn ir-riċerkaturi u kif bis-saħħa tagħhom illum ksibna għarfien kbir fuq dan il-personaġġ ewlieni fl-istorja ta’ Malta u tal-Malti.


Iż-żewġ kelliema l-oħra kienu l-Prof. Frans Ciappara u Sergio Grech, President tal-Akkademja tal-Malti. Il-Prof. Ciappara, storiku ewlieni tat-tieni nofs tas-seklu tmintax u awtur ta’ bijografija awtorevoli u aġġornata bl-isem ta’ Mikiel Anton Vassalli: An Enlightened Maltese Reformer (Id-Dipartiment tal-Malti u Midsea, 2014).
Fid-diskors tiegħu fuq “Vassalli u l-Edukazzjoni,” Ciappara ffoka fuq it-tagħlim tal-Malti fid-dawl tal-Progetto li bih Vassalli ried jifdi lil niesu permezz bl-edukazzjoni u l-lingwa nazzjonali – missjoni li kompla jwettaq meta ġie lura mill-eżilju fl-1820.
Ciappara spjega l-kuntest storiku u kulturali li neħtieġu biex inkejlu kif jixraq is-sehem ta’ Vassalli u rrefera għall-idea ewlenija ta’ Vassalli li l-ilsien Malti kien ħaqqu jsir l-ilsien tal-liġijiet, l-ilsien imħaddem mill-Knisja biex tikkomunika mal-kotra, u suġġett ewlieni fl-iskejjel.
Sergio Grech, l-editur tas-sensiela Bejn Storja u Miti u awtur ta’ numru ta’ bijografiji, u li dan l-aħħar ħadem fuq l-istorja tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università, għamel diskors dwar “Ġużè Aquilina u t-Twelid tad-Dipartiment tal-Malti,” li fih ħares lejn il-ħidma, fuq medda ta’ erbgħin sena, tal-professur li waqqaf il-katedra tal-Malti fl-Università fl-1937. Minbarra li bena d-Dipartiment, fl-oqsma differenti tiegħu, fuq sisien sodi, Aquilina kien figura prominenti fl-Università u fil-ħajja pubblika f’Malta u barra, u għalhekk eredi denju ta’ Vassalli.
Fid-diskors tal-għeluq, “Mitejn Sena wara Vassalli,” Adrian Grima, Kap tad-Dipartiment tal-Malti, tkellem dwar l-influwenza tal-personalità u l-ħidma ta’ Vassalli fuq id-Dipartiment tal-Malti llum. Vassalli kien l-ewwel espert tal-Malti imma kien ukoll mgħallem tal-ilsna Semitiċi u lingwi Rumanzi bħal-Latin, it-Taljan, u l-Franċiż, u dan għenu sew biex jistudja u jgħallem il-Malti, ilsien li għalih kien fundamentali biex tinfirex l-edukazzjoni fost il-poplu kollu.
Filwaqt li kien l-ewwel bniedem li sejjaħ lil Malta nazzjon, kien ukoll internazzjonalista li ried li pajjiżu jiddakkar mill-avvanzi li kienu qegħdin iseħħu barra minn Malta, fejn b’kollox qatta’ għoxrin sena minn ħajtu.
Fi tmiem il-kommemorazzjoni, id-Dipartiment tal-Malti ppreżenta lir-Rettur għadd ta’ kotba marbutin ma’ Vassalli li ġew ippubblikati mid-Dipartiment.
Dan l-avveniment ġie organizzat mid-Dipartiment tal-Malti bi sħab mal-Akkademja tal-Malti. L-organizzaturi se jtellgħu l-filmati tal-interventi li saru fuq malti.mt u akkademjatalmalti.org.




