Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illum ingħaqad mal-mexxejja l-oħra tal-partiti membri fil-Partit Popolari Ewropew u pparteċipa fis-Summit tal-PPE li ddiskuta t-temi li għandu fuq l-aġenda l-Kunsill Ewropew li qed jitlaqqa’ mill-Presidenza Daniża tal-UE.
Is-Summit tal-UE, fil-fatt, beda ftit wara l-laqgħa tal-PPE u fost diversi suġġetti qed jiddiskuti hemm l-aħħar żviluppi b’rabta mal-gwerra fl-Ukrajna u l-finanzjament lil dan il-pajjiż, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, it-tkabbir tal-UE u l-budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta’ snin 2028-2034.
Dan kien l-ewwel Summit ta’ Alex Borg fi Brussell li għalih il-Kap tal-PN kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea. Is-Summit tmexxa mill-President tal-PPE u Chairman tal-Grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew Manfred Weber u fuq l-aġenda kellu wkoll il-kompetittività tal-ekonomiji Ewropej, id-difiża u s-sigurtà Ewropea u l-migrazzjoni.
Minbarra li ħa sehem fis-Summit, matul in-nofstanhar ta’ dalgħodu Alex Borg kellu wkoll numru ta’ laqgħat importanti ma’ Kumissarji Ewropej dwar temi li jolqtu wkoll mill-qrib lil Malta bħalma hija l-immigrazzjoni u l-qagħda fil-Mediterran.
Waqt is-Summit, il-Kap tal-PN ingħata merħba għall-ewwel darba fil-familja tal-PPE u fost il-mexxejja Ewropej preżenti kien hemm il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.
Preżenti wkoll għadd ta’ Kapijiet ta’ Gvern ta’ Stati Membri tal-UE li jmexxu partiti fil-familja tal-PPE, kif ukoll diversi Kapijiet tal-Oppożizzjoni. Fost dawn kien hemm il-President ta’ Ċipru Nikos Christodoulides, il-Kanċillier tal-Ġermanja Friedrich Merz, il-Kanċillier Christian Stocker tal-Awstrija, il-Prim Ministru Donald Tusk tal-Polonja, il-Prim Ministri tal-Greċja, il-Lussemburgu, il-Portugall, il-Kroazja, il-Finlandja u l-Latvja. L-Italja kienet rappreżentata mill-Viċi Prim Ministru Antonio Tajani li huwa wkoll wieħed mill-Viċi Presidenti tal-PPE.
Il-Kap tal-PN kellu wkoll laqgħat separati ma’ żewġ Kummissarji Ewropej. L-ewwel laqgħa kienet mal-Kummissarju Ewropew għall-Intern u l-Migrazzjoni Magnus Brunner dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fl-Ewropa u f’Malta. Mal-Kummissarju Awstrijak kienu diskussi wkoll l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Ażil fl-ambitu tas-sigurtà, il-ġlieda lill-kriminalità organizzata u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Alex Borg enfasizza l-importanza ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà li jirrispettaw id-daqs u l-insularità ta’ pajjiżi żgħar bħal Malta f’dak li għandu x’jaqsam mal-immigrazzjoni.
Aktar tard, imbagħad, Alex Borg iltaqa’ wkoll mal-Kummissarju Ewropew għall-Mediterran Dubravka Šuica – laqgħa ta’ importanza partikolari minħabba li l-Kummissarju mill-Kroazja hija responsabbli mir-reġjun li niffurmaw parti minnu bħala pajjiż. F’dan il-każ id-disklussjoni ffukat fuq il-qagħda ġeopolitika fir-reġjun tagħna, bil-Kap tal-PN jispjega r-rwol strateġiku li Malta minn dejjem kellha fir-reġjun tal-Mediterran u jirreferi wkoll għal sfidi partikolari li qed jiffaċċja pajjiżna bħalma huma d-densità tal-popolazzjoni, il-piż li dan qed ikollu fuq l-infrastuttura u s-servizzi pubbliċi kif ukoll l-enerġija.
Iż-żjara ta’ 24 siegħa fi Brussell ġiet fi tmiemha bi żjara interessanti li għamel Alex Borg fl-uffiċċji tal-Meta (Facebook) fi Brussell fejn intlaqa’ mill-Public Policy Director (EU Affairs) tal-Meta Marco Pancini. Il-Kap tal-PN tkellem dwar kemm il-media soċjali hija popolari fost il-Maltin, u kemm għandha rwol ċentrali anke bħala għodda fid-dibattitu nazzjonali f’pajjiżna. Kienet diskussa wkoll il-ħtieġa li l-qafas diġitali tal-UE jiġi ssimplifikat b’mod sosanzjali biex jitneħħew l-ostakli għall-kompetittività u l-innovazzjoni Ewropea.
Tkellmu wkoll dwar il-potenzjal enormi tal-IA biex tiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ tkabbir u innovazzjoni. L-Ewropa tista’ tieħu rwol ta’ tmexxija fl-era l-ġdida ta’ apparat marbut mal-IA, iżda jeħtieġ tindirizza l-piżijiet regolatorji li qed ifixklu l-kompetittività.
//= $special ?>

