Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky għamilha ċara li pajjiżu għandu jiffaċċja l-problemi kbar f’sitwazzjoni fejn l-Unjoni Ewropea ma taqbilx li tagħti stimolu qawwi lill-finanzi tal-Ukrajna li jinsabu f’sitwazzjoni tassew imwiegħra.
Dan waqt li l-Mexxejja tas-27 Stati tal-Unjoni Ewropea kienu qed jiltaqgħu fi Brussell għall-aktar summit importanti mindu twaqqfet l-Unjoni – bil-kontinent Ewropew, mill-ġdid, jinsab f’theddida diretta ta’ gwerra min-naħa tar-Russja.
Intant, Zelensky ħeġġeġ lil dawn il-Mexxejja biex jisilfu l-biljuni tal-ewro lill-Ukrajna mill-assi friżati tar-Russja li qed jinżammu fl-Ewropa….Dan bħala mezz għall-finanzjament tal-ħteġiet militari u ekonomiċi tal-Ukreni li l-konflitt tagħhom mar-Russja jagħlaq erba’ snin fi Frar.
Il-parti kbira tal-assi tar-Russja – ekwivalenti għal €210 biljuni – miżmuma fl-UE jinsabu f’holdings mal-organizzazzjoni Euroclear ibbażata l-Belġju.
Intant, sal-aħħar sigħat, il-Belġju u xi Stati oħra tal-UE, inkluża Malta, kienu qed jopponu li l-fondi tar-Russja jintużaw bħala finanzjament għar-riparazzjonijiet jew ‘bini mill-ġdid’ tal-Ukrajna wara dawn is-snin kollha ta’ gwerra.
Ir-Russja, intant, wissiet lill-UE biex ma tużax il-flus tagħha bħala għajnuna lill-Ukrajna u meta qed jidher li l-Ukreni kapaċi jispiċċaw xotti mill-finanzi fi kwistjoni ta’ xhur. Fil-fatt, it-Tmexxija Russa ressqet mandat kontra l-Euroclear f’Qorti ta’Moska bħala tentattiv iddisprat biex tieħu lura l-assi friżati.
Intant, Zelensky kompla jesprimi tamiet li l-Ukrajna tingħata messaġġ pożittiv mingħand l-Unjoni filwaqt li enfasizza l-urġenza tas-sitwazzjoni għall-poplu Ukren.
Il-Mexxej Ukren, fl-appell tiegħu, insista li pajjiżu bilfors li jeħtieġ dawn il-fondi – sewwa għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna wara daqstnt xhur ta’ bumbardamenti fuq l-ibliet inkella bħala appoġġ lill-Armati tagħha f’każ li l-gwerra tkompli matul is-sena.
Is-summit fi Brussell ( li tintemm tard matul il-lejl) wasal fi żmien kruċjali għall-iżviluppi tal-Gwerra fl-Ukrajna.
Fl-istess ħin, xi sorsi viċin tas-summit huma ‘ftit jew wisq ottimisti’ li jintlaħaq ftehim dwar l-għajnuna ġdida lill-Ukrajna….Dan speċjalment wara li Ursula von der Leyen, bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, enfasizzat li ‘is-summit ma kellux jintemm mingħajr soluzzjoni’.
L-għajnejn kollha, intant, kienu fuq il-Prim Ministru Belġjan, Bart De Wever, li sostna, ftit ilu, li ma ra l-ebda abbozz ta’ dokument li jipperswadih jibdel il-pożizzjoni tal-Belġju f’din il-kwistjoni.
Sadanittant, fi żviluppi oħra, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li ftehim għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna jinsab ‘eqreb minn qatt qabel’.
Dan meta l-uffiċjali Amerikani u Russi, fi tmiem il-ġimgħa, għandhom jiltaqgħu f’Miami (fl-Istati Uniti) għal aktar taħditiet dwar il-pjan għall-paċi. Mistenni wkoll li t-taħditiet jinvolvu lil Kirill Dmitriev, għan-nom tal-Kremlin u r-Rappreżentanti tal-Gvern Amerikan, Steve Witkoff u Jared Kushner.
Madankollu, ir-Russja baqgħet ma weġbitx b’mod konkret għall-aħħar proposti għall-paċi – ħlief biex tgħid li bl-ebda mod ma għandha taċċetta l-preżenza ta’ qawwa ġdida multinazzjonali għaz-zamma tal-paċi fl-Ukrajna…Qawwa li, skont il-pjan oriġinali, għandha tkun immexxija mill-Ewropa.
//= $special ?>

