Lokali

Iż-żjara tal-President timmarka l-bidu tal-għadd tad-donazzjonijiet tal-BOV Piggy Bank

It-22 edizzjoni tal-kampanja ‘L-istrina BOV Piggy Bank’

Il-kampanja ‘L-istrina BOV Piggy Bank’ daħlet fi stadju importanti, hekk kif il-President ta’ Malta, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, nediet uffiċjalment il-proċess tal-għadd tad-donazzjonijiet fl-Uffiċċju Ewlieni tal-Bank Valletta. Dan l-avveniment simboliku jimmarka l-aħħar stadji tat-22 edizzjoni ta’ din il-kampanja li l-protagonisti ewlenin tagħha huma l-istudenti minn madwar Malta u Għawdex.

Myriam Spiteri Debono ntlaqgħet fil-BOV Centre mill-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Kenneth Farrugia u Ernest Agius, Chief Operations Officer u Deputat Chairperson tal-Fondazzjoni BOV; flimkien ma’ membri oħra tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Bank.

Sa mill-bidu tagħha, din il-kampanja għaqqdet eluf ta’ studenti f’ġest sempliċi imma b’saħħtu ta’ ġenerożità.  Huma jagħtu donazzjoni żgħira mill-flus li jkunu faddlu lil dawk fil-bżonn, u l-Bank iżid donazzjoni addizzjonali mal-kontribuzzjonijiet tat-tfal. Sa mill-ewwel edizzjoni fl-2004, il-Bank of Valletta kkontribwixxa aktar minn €3.4 miljun lil ‘L-istrina’, u għaqqad il-fondi miġbura permezz tal-kampanja flimkien mad-donazzjoni mogħtija direttament mill-Bank.

L-E.T. Myriam Spiteri Debono rringrazzjat lid-diriġenti tal-Bank of Valletta, għall-appoġġ kontinwu tagħhom matul is-sena kollha, inkluż fil-kampanja L-istrina BOV Piggy Bank. Irrikonoxxiet ukoll l-altruwiżmu u l-impenn tal-impjegati tal-Bank, li ta’ kull sena joffru ħinhom b’mod volontarju biex jassistu fil-proċess tal-għadd tad-donazzjonijiet mit-tfal fl-iskejjel.

Il-President faħħret ukoll l-impenn tal-Bank f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuniet lil diversi għaqdiet mhux governattivi li jgħinu lil nies f’diffikultà, u l-kontribut tal-Bank fl-isfera kulturali u artistika f’pajjiżna.

Kenneth Farrugia saħaq li, “Kull donazzjoni miġbura permezz tal-Kampanja BOV Piggy Bank twassal messaġġ ta’ altruwiżmu u solidarjetà. Matul is-snin, din l-inizjattiva wriet kif it-tfal jistgħu jagħtu eżempju bil-ġenerożità tagħhom. Il-Bank of Valletta jagħti sehmu permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji addizzjonali. Aħna kburin li ningħaqdu mal-iskejjel madwar Malta u Għawdex u flimkien inkomplu nibnu kultura ta’ appoġġ għall-missjoni ta’ ‘L-istrina’ sena wara sena.”

Ernest Agius żied jgħid, “Din il-kampanja, appoġġjata mill-Fondazzjoni BOV, mhijiex biss dwar il-ġbir ta’ fondi, iżda ssawwar il-valuri. Bis-sehem ta’ tfal minn età żgħira, qed inrawmu kultura ta’ altruwiżmu, empatija u sens ta’ responsabbiltà lejn ħaddieħor. Ninsabu ħerqana li jitħabbar it-total finali waqt ‘L-istrina’ fis-26 ta’ Diċembru u, għal darb’oħra, nagħmlu differenza sinifikanti fil-ħajja ta’ dawk li l-aktar għandhom bżonn appoġġ.”

Waqt li rrimarka fuq id-dedikazzjoni wara l-kwinti, Ernest Agius spjega kif, “Din l-okkażjoni sservi wkoll biex tixħet dawl fuq l-ispirtu tal-volontarjat fi ħdan il-Bank. L-impjegati tagħna jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom biex jappoġġjaw il-proċess tal-għadd tad-donazzjonijiet permezz tal-programm ta’ volontarjat tagħna u aħna kburin li naraw l-isforzi tagħhom jagħtu kontribut tant importanti u li jħalli impatt għas-suċċess ta’ din il-kampanja.”

Bil-proċess tal-għadd tal-muniti għaddej, l-ammont finali miġbur mit-tfal fl-iskejjel jitħabbar matul ix-xandira diretta ta’ ‘L-istrina’.

Din is-sena, il-President Myriam Spiteri Debono żaret 21 skola tal-Gvern, tal-Knisja u tal-privat bħala parti mill-kampanja L-istrina BOV Piggy Bank.