Lokali

“Jason Micallef mhux jeżerċita xi libertà; qed jabbuża mill-poter misluf lilu” – Repubblika

Repubblika esprimiet is-solidarjetà tagħha ma’ Christine Mamo – il-ġurnalista attakkata minn Jason Micallef u mal-ġurnalisti kollha li jħabbtu wiċċhom mal-intimidazzjoni, l-abbuż u l-bullying għax qed jagħmlu xogħolhom.

Fi stqarrija, l-għaqda Repubblika qalet li l-attentat ta’ Jason Micallef li jiġġustifika mġiebtu billi jgħid li għandu dritt għal-libertà tal-espressjoni qed iħarbat mill-qiegħ dak li l-libertà tal-espressjoni qiegħda hemm biex tipproteġi.

Kompliet tgħid li bħad-drittijiet kollha, il-libertà tal-espressjoni, qegħda hemm biex tipproteġi liċ-ċittadini mill-poter tal-istat. Mhux qiegħda hemm biex tkenn lill-uffiċjali pubbliċi mill-iskrutinju pubbliku, u lanqas biex ittihom liċenzja jabbużaw, jintimidaw, u jmaqdru ‘l ġurnalisti li jżommuhom responsabbli t’għemilhom.


Repubblika stqarret li, “waqt li qiegħed f’pożizzjoni pubblika, Jason Micallef mhux jeżerċita xi poter personali. Qed juża awtorità mislufa lilu mill-pubbliku u qed jonfoq flus li fdalu l-pubbliku. Dak il-poter iġib miegħu drittijiet, mhux privileġġi. Fost dawk id-dmirijiet hemm l-obbligu li jisma’ l-kritika, jirrispetta r-rwol tal-istampa, u jassigura li l-ġurnalisti jistgħu jaħdmu mingħajr biża ta’ fastidju jew ritaljazzjoni.”


Repubblika qalet ukoll li id-diskors ta’ bully ta’ Jason Micallef ma jaħbix il-fallimenti sostantivi li hu responsabbli għalihom, inkluż il-ħela u l-inkompetenza fil-proġett Ta’ Qali. Stqarret, “flok jirrikonoxxi l-fallimenti tiegħu u jagħti kont ta’ x’nefaq fuqhom, għażel li jattakka lil min isaqsi mistoqsijiet leġittimi dwarhom. Din mhux tmexxija; din hi evażjoni.”


Repubblika ċaħdet l-argument li l-uffiċjali pubbliċi għandhom xi dritt għall-impunità meta jabbużaw lill-ġurnalisti. L-għaqda tenniet “Nieqfu mal-ġurnalista Christine Mamo u mal-membri tal-istampa li jaħdmu fl-interess pubbliku, minkejja l-intimidazzjoni, u l-ostilità ta’ dawk li messhom jafu aħjar.