Lokali

Jason Micallef ma tgħallem xejn mill-iżbalji tal-passat – PN

Il-Labour jibqa’ jattakka lil min ma jaqbilx miegħu, inkluż lill-media li tagħmel id-domandi biex iżżommu kontabbli ta’ għemilu. Robert Abela għandu jieħu azzjoni kontra d-Delegat Speċjali tiegħu li nfexx jattakka ġurnalista għax kienet qed tagħmel xogħolha

Jason Micallef ma tgħallem xejn mill-iżbalji tal-passat.

Fl-aħħar sigħat reġa’ fetaħ attakk fuq il-ġurnalisti għax irrappurtaw li l-ħaxix f’Ta’ Qali għadu ma telax kif wegħedna li se jiġri – u jidher li minkejja x-xita li għamlet se nibqgħu biż-żrar li tpoġġa fil-picnic area u li sewa lill-poplu Malti spiża ta’ €300,000.

Tant li saħanistra anke l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, kellu joħroġ għal darba oħra jikkundanna dan l-aġir taċ-Chairman tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, li qabel l-attakk fuq il-ġurnalista ta’ Newsbook Malta ta’ dalgħodu kien diġà ħareġ jattakka lill-podcaster Trudy Kerr fil-bidu ta’ dan is-saga. L-IĠM qal li dan mhu xejn ħlief tentattiv ta’ bullying u intimidazzjoni fuq ġurnalista li kulma għamlet kienet staqsiet il-mistoqsijiet. Anke PEN Malta kkundannat l-attakk ta’ Micallef u qalet li jmorru lil hinn minn dak li hu aċċettabbli f’soċjetà demokratika.

Huwa tal-mistħija li uffiċjal pubbliku jinfexx jattakka personalment lil min qed jagħmel xogħlu, sempliċiment għax qed jinżamm kontabbli ta’ għemilu. Huwa tal-mistħija aktar il-lingwaġġ użat mill-eks Segretarju Ġenerali Laburista u Delegat Speċjali ta’ Robert Abela fl-attakk tiegħu, li bla mistħija ta’ xejn estendieh ukoll għall-Kelliem tal-President ta’ Malta, għax inzerta jiġi ħu l-istess ġurnalista li spiċċat fil-mira tiegħu.

Sadanittant, jispikka s-skiet assolut min-naħa ta’ Micallef dwar il-kundanni għal dak li għamel fil-picnic area f’Ta’ Qali u d-dikjarazzjonijiet ċari li jixhdu l-irregolaritajiet marbutin ma’ dan is-suppost proġett għat-tgawdija tal-familji, fosthom:

  • li l-kuntratt ingħata b’direct order, minflok inħarġet sejħa pubblika għall-offerti
  • li ż-żrar tpoġġa fil-post mingħajr il-permessi meħtieġa
  • li ma saru l-ebda studji ambjentali qabel tpoġġa
  • li għal dan kollu ntefqu terz ta’ miljun ewro minn flus il-poplu

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-ġurnalisti li l-establishment tal-Labour jinfexx jattakkahom kull darba li jikkritikawh jew ma jaqblux miegħu.

Robert Abela mhux biss għandu jikkundanna dan l-aġir ta’ Jason Micallef imma għandu jieħu azzjoni kontra d-Delegat Speċjali tiegħu li nfexx f’attakk fuq ġurnalista sempliċiment għax kienet qed tagħmel xogħolha.

Il-PN jistaqsi wkoll jekk il-Ministru Chris Bonett għadux jaħsibha l-istess wara li lbieraħ tgħidx kemm iddefenda lil Jason Micallef u qalilna li għalkemm dan seta’ kien żball oħxon li se jiswa kemxa ġmielha lill-poplu Malti, ma ġara xejn jekk il-ħaxix jibqa’ ma jitlax fejn intefa’ ż-żrar, għax nippruvaw xi ħaġa oħra.

Huwa inkwetanti għal-libertà tal-espressjoni u tax-xandir ħieles f’pajjiżna li l-Labour u l-ogħla esponenti tiegħu jibqgħu jadottaw dan l-istil – meta jitilfu l-argument, jinfexxu fl-attakki kontra kull min isibu quddiemhom.