Il-Prim Ministru ħaseb li għax kuntent hu, kuntent kulħadd, dwar il-każ ta’ Roderick Galdes.
Ilbieraħ Robert Abela qalilna li huwa kuntent bl-ispjegazzjoni li tah Roderick Galdes, proprju fl-istess ġurnata li tħabbar li issa nfetħet ukoll investigazzjoni tal-Pulizija waqt li fl-istess ħin faqqa’ dak li jidher li hu skandlu ieħor b’rabta ma’ proprjetà oħra ta’ Roderick Galdes barra minn Malta.
Imma Abela ma għandu l-ebda dubji dwar il-Ministru tiegħu u eskluda kull possibbiltà li jitolbu jirriżenja sakemm inaddaf ismu, ladarba dan ma jridx jirriżenja minn jeddu.
Dan minkejja d-diversi stejjer li ħarġu b’rabta mal-Ministru għall-Housing Soċjali u Affordabbli:
· L-akkuża ta’ Eks MEP Laburista li Galdes indaħal politikament fil-Malita Investments, u li hu qrib tal-iżviluppaturi li jingħataw il-kuntratti għall-proġetti l-kbar tal-istess kumpanija, fosthom tal-housing soċjali. L-istess Marlene Mizzi tneħħiet minn Chairperson tal-Malita wara li ġibdet l-attenzjoni dwar dan.
· L-istorja dwar il-bargain li għamel meta akkwista għall-prezz ta’ €140,000 l-penthouse lussuża f’Għawdex bil-garaxx, l-arja u l-jacuzzi mingħand l-istess kumpanija li fl-istess sena li fiha kien iffirmat il-konvenju, ingħatat kuntratt ta’ €27 miljun għal proġetti tal-akkomodazzjoni soċjali mill-Awtorità tad-Djar li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istess Ministru. Apparti li prezz ta’ proprjetà simili llum skont il-KPMG jaqbeż in-nofs miljun ewro, fact-check tat-Times of Malta sab li penthouse tal-istess daqs ta’ Galdes fl-2021 kienet tiswa ferm aktar, u dan mingħajr garaxx, waqt li l-istarting price għall-irħas appartament fl-2023 fl-istess kumpless fejn xtara Galdes kien €160,000.
· Il-każ tat-tpartit ta’ appartament ta’ €135,000 fix-Xagħra ma’ plot ta’ art li tiswa €100,000 fl-Għarb mingħand l-istess kuntrattur li biex ipattilu tad-differenza fil-prezz, għamillu x-xogħlijiet fis-sit.
U minkejja wkoll li Roderick Galdes issa mhux biss qed jiġi investigat mill-Awditur b’rabta mal-każ tal-Malita, u mill-Kummissarju għall-Istandards dwar ix-xiri tal-proprjetà bi prezz ferm inqas minn dak tas-suq, imma qed jiġi investigat ukoll mill-Pulizija wara talba li għamel fl-aħħar sigħat l-Avukat Jason Azzopardi biex tinfetaħ inkjesta fil-konfront tiegħu fuq unexplained wealth.
Fl-istess ħin Galdes innifsu lbieraħ qalilna wkoll li ma jara l-ebda kunflitt ta’ interess fil-fatt li rnexxielu jakkwista dawn id-deals vantaġġjużi apparti li hu s-sid ta’ lista twila ta’ proprjetajiet f’Malta, Għawdex u barra mill-pajjiż, meta huwa l-Ministru responsabbli mill-Housing, u li allura suppost qed jassisti lil min qed ifittex housing affordabbli. Galdes qalilna wkoll li ddeċieda li mhux se jwieġeb aktar id-domandi tal-ġurnalisti.
Donnu Robert Abela – kuntrarju għar-rapporti fil-midija – huwa ċert ukoll li m’għandu l-ebda deputat fil-grupp parlamentari tiegħu li jħossu skomdu bid-deals u l-bargains ta’ Roderick Galdes.
Minkejja dan kollu, il-Prim Ministru mhu qed jara xejn ħażin fl-iskandli kollha li qed joħorġu dwar Ministru ewlieni tal-Kabinett tiegħu, u qed jagħżel li jibqa’ jiddefendi lil Roderick Galdes u joqgħod fuq il-kelma tiegħu għax skont hu “pprovdielu l-ispjegazzjonijiet kollha li kellu bżonn biex jiddeċiedi li m’hemm għalfejn jieħu l-ebda azzjoni.”
Imma filwaqt li Abela donnu jinsab konvint dwar Roderick Galdes, il-poplu Malti ma jaħsibhiex bħall-Prim Ministru.
Speċjalment dawk l-eluf ta’ żgħażagħ li qed jippruvaw isiru sidien ta’ djarhom imma mkien mhuma qed isibu d-deals tajbin bħalma rnexxielu jsib Roderick Galdes.
//= $special ?>

