Opinjoni

Opinjoni: Il-lingwaġġ tal-pożati

Issa li ġejjin il-Festi u ħafna nies imorru jieklu barra, nistennew servizz tajjeb. Il-flus li nħallsu huma flus tajbin. Għaliex is-servizz m’għandux huwa wkoll ikun tajjeb?

Mark A. Sammut Sassi

Il-President tal-Union tal-Għalliema, l-MUT, Marco Bonnici, ġustament sejjaħ għat-twettiq ta’ politika lingwistika fl-iskejjel. Minħabba fl-influss ta’ ħaddiema barranin, u l-isforzi nofs-kedda tal-Gvern, fl-iskejjel tal-Istat it-tagħlim flok ma jsir bil-Malti qed isir kollu bl-Ingliż. Nista’ nimmaġina x’Ingliż ikollhom ċerti studenti barranin – u kif l-Ingliż ta’ livell baxx iħalli impatt negattiv fuq l-istudenti Maltin.
Dis-sitwazzjoni fit-tagħlim hi kkawżata mis-sovrapopolazzjoni – li skont id-Deputat Laburista Alex Muscat għandna nkunu kburin biha għax hi suċċess tal-Gvern.
Das-suppost suċċess tal-Gvern ġab sitwazzjoni ta’ tħassib għall-MUT u l-għalliema, u għall-istudenti u l-ġenituri tagħhom. Imma t-tagħlim mhux biss dak fl-iskejjel. It-tagħlim hu usa’, u jagħmel parti mill-kultura ġenerali.
It-taħlit ta’ kulturi – li qed iseħħ bla kontroll u bla viżjoni (għajr għall-ftaħir ta’ suċċess) – għandu impatt ukoll f’settur ieħor, dak tal-ospitalità u l-catering, mhux biss għat-turisti imma wkoll għall-Maltin. Pajjiżna mtela koki mill-Asja (li taparsi jsajru ikel Malti, Sqalli u Taljan, Franċiż, u l-Bambin biss jaf x’aktar) u wejters ukoll mill-Asja. It-tisjir hu ta’ kwalità pessma tista’ tgħid fil-biċċa l-kbira tar-restoranti, u s-servizz mal-mejda hu ta’ medjokrità tali li anki l-imwejjed, it-tvalji, u s-siġġijiet jistħu! (Aħfruli l-esaġerazzjoni).

Xogħol il-wejter importanti
Minn banda għandna Istitut tal-Istudji Turistiċi li joffri korsijiet li jidhirli huma ta’ kwalità, u mill-banda l-oħra għandna injoranza tal-għaġeb fost il-wejters li jaħdmu fir-restoranti f’Malta u Għawdex.
Xogħol il-wejter hu xogħol importanti. Huma l-ħmir biss li jaħsbu li l-wejter hu xogħol baxx jew bla dinjità. Wejter tajjeb jaf ikun il-katalist ta’ serata li tirnexxi u jaf ikun il-kaġun ta’ serata li tmur il-baħar. Mhux biss waqt ikliet li fihom isir in-negozju, imma wkoll ikliet li fihom żewġ namrati jsiru jafu lil xulxin, jew li fihom familja ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ta’ fi ħdanha jew forsi ssewwi relazzjonijiet li jkunu nkisru. Tmur tiekol f’restorant mhux biss biex idduq ikel imħejji minn espert tas-sajran (chef dak li tfisser: mhux biss li jkun il-kap tal-kċina imma jkun jaf is-sigrieti tal-ikel bnin), imma tmur tiekol f’restorant ukoll għal skopijiet soċjali.
Għalhekk ix-xogħol tal-wejter hu tant importanti. Wejter li jaf xogħlu tajjeb, ikun l-akbar alleat tiegħek biex tagħlaq biċċa negozju, biex interview jirnexxi, biex il-persuna li tinteressak taċċetta l-istedina romantika tiegħek, biex kustjoni fil-familja tissolva, eċċ. Wejter li ma jifhimx fis-sottiljezzi tal-professjoni, bil-kontra, jispiċċa element ewlieni fil-falliment mhux biss tas-serata imma ta’ dak li jkun għaddej waqt is-serata.
Jara sal-ponta t’imnieħru min jaħseb li r-restoranti huma biss għat-turisti (u li ma jimpurtax li t-turisti jisfgħu priża ta’ dawk bla skrupli li jqaxxruhom għax hekk jew b’hekk qatt mhuma se jerġgħu jarawhom). Kull min kiel Sqallija u bnadi oħrajn fl-Ewropa, jaf li r-restoranti serji jagħtuk esperjenza tant tajba li terġa’ tmur. Mhux biss għax l-ikel ikun bnin, imma għax is-servizz ikun tajjeb. Is-servizz hu importanti daqs l-ikel.

Nuqqas ta’ għarfien
Is-servizz ħażin tant hu oxxenità fl-industrija tal-catering, li Ruma hemm restorant – La Parolaccia, f’Vicolo dei Cinque, żewġ passi bogħod minn Piazza Trilussa, fit-Trastevere – fejn tħallas il-belli liri biex jittrattawk ħażin! Imma dak ir-restorant qed jilgħab fuq l-ironija… jittrattawk ħażin bil-permess tiegħek: hi logħba li fiha tagħmel ħaġa imma taf li trid tfisser oħra. Filwaqt li ili ħafna ma mmur f’dak ir-restorant partikolari, irrid ngħid li meta mort niekol hemm hu minnu li kellmuna baxx u pastaż u offendew lil ħafna klijenti, imma l-ewwel nett l-ikel kien tal-ogħla kwalità u kien il-ħin kollu ċar li hi logħba, li hi ironija. Aktar u aktar għax hi Ruma, u r-Rumani huma ironiċi u goffi. Minkejja li huma wkoll sofistikati… imma dak hu l-ġmiel tal-Italja (li minnha jien innamrat b’ruħi u ġismi), u ma rridx nitbiegħed mis-suġġett tal-lum.
F’Malta, ma jkellmukx baxx u pastaż, imma donnu ħadd ma jgħallem lill-wejters ġejjin mill-Asja tas-Sud-Est kif għandhom iġibu ruħhom. Tmur tiekol f’restorant – fejn tħallas il-belli liri – qisek sejjer tiekol wara l-muntanji. Is-servizz li tingħata hu xhieda ta’ nuqqas ta’ għarfien iwaħħax. Il-wejters Ażjatiċi ma għandhomx l-iċken idea ta’ kif jopera dak ix-xogħol b’mod professjonali. Jinterrompuk xħin tkun qed titkellem biex isaqsuk lestejtx. Jgħaddu l-platti minn quddiemek, flok ma jduru minn warajk, kif suppost. U Ġwanni u Martin. (Fis-sew, din rajtha mhux biss hawn Malta – imma anki barra fejn iħaddmu lil nies ġejjin minn dik il-kultura li ma ddakkritx mis-sofistikatezza Ewropea, Franċiża u Taljana, l-aktar).

Il-lingwaġġ tal-pożati
Jeżisti lingwaġġ tal-pożati, u lill-wejters imissu xi ħadd jgħallimhulhom. Jekk jien inqiegħed il-furketta ma’ ġenb is-sikkina f’nofs il-platt, il-wejter m’għandux għalxiex isaqsini lestejtx. Il-pożati mqegħdin b’dak il-mod huma messaġġ minni lill-wejter li lestejt u jista’ – mingħajr ma jinterrompi l-konversazzjoni tiegħi – jaqbad u jieħu l-platt, b’mod diskret. M’hemmx għalfejn immur f’restorant bl-istilel Michelin biex ningħata das-servizz bażiku.
Fl-istampa ma’ dal-artiklu taraw il-lingwaġġ tal-pożati. Se nfissru ħalli, jekk jogħġobhom, il-managers tar-restoranti jgħallmuh lill-wejters tagħhom. Jekk jien inqiegħed il-furketta u s-sikkina ma’ ġenb xulxin b’mod wieqaf, ifisser li lestejt (m’hemmx bżonn isaqsini.) Jekk inqegħidhom ma’ ġenb xulxin imma b’mod mimdud, ukoll ifisser li lestejt, imma jfisser ukoll li l-ikel kien eċċellenti. Jekk indaħħal is-sikkina bejn snien il-furketta u nqegħidhom b’mod djagonali, ifisser li lestejt imma l-ikel ma għoġobnix. Jekk inqiegħed il-pożati b’mod djagonali imma mbegħdin minn xulxin, ifisser li waqaft u se nkompli (u m’hemmx għalfejn isaqsini). Jekk il-pożati nsallabhom, ifisser li lestejt minn dal-platt u jista’ jġibli li jmiss.
M’hemmx xi xjenza kbira f’dan kollu, jew xi misteru eżoteriku. Dan hu l-lingwaġġ universali tal-pożati. Universali jiġifieri jgħodd kullimkien u – fit-teorija – suppost jafu kulħadd.

Ġejjin il-Festi
Issa li ġejjin il-Festi u ħafna nies imorru jieklu barra, nistennew servizz tajjeb. Il-flus li nħallsu huma flus tajbin. Għaliex is-servizz m’għandux huwa wkoll ikun tajjeb?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 18  ta’ Diċembru, 2025.