Angelo Micallef
Ftit aktar minn mitt jum ilu l-Partit Nazzjonalista beda kapitlu ġdid fl-istorja twila tiegħu u dan permezz tal-elezzjoni ta’ Kap ġdid. Ftit aktar min mitt jum ilu l-Partit Laburista bħal donnu beda jogħrok idejh għaliex ħaseb li bħala partit konna se nintefgħu nwaddbu l-ġebel lil xulxin u nargumentaw bejn min kien għażel kandidat għat-tmexxija tal-partit u min kien għażel kandidat ieħor. Imma jekk kien hemm xi jdejn jingħorku fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tassew ma damux u malajr bdew ħerġin l-ewwel sinjali ċari ħafna ta’ paniku assolut.
Fl-ewwel mitt jum tiegħu bħala Kap tal-Partit wieħed jista’ jgħid biss li Alex Borg hit the ground running. Mhux biss żamm mal-wegħdiet li kien għamel waqt il-kampanja tiegħu bħal li jibda l-ħidma biex tisejjaħ konvenzjoni ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li fil-fatt se ssir fi Frar u li jippubblika l-kontijiet awditjati tal-Partit Nazzjonalista tal-aħħar erba’ snin li propju ġrat din il-ġimgħa, imma talli saħansitra mar lil hinn.
Entużjażmu u enerġija
Alex Borg injetta fil-Partit Nazzjonalista sens qawwi ta’ entużjażmu u enerġija. Entużjażmu u enerġija li jidhru bl-aktar mod ċar ma’ kull attività li ssir, li qiegħda dejjem tiġbed aktar nies. Entużjażmu u enerġija li dehru b’mod ċar fil-maratona ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet bis-somma rekord miġbura. Entużjażmu u enerġija li qegħdin jidhru anke b’mewġa dejjem tikber ta’ nies li qegħdin jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista; uħud għall-ewwel darba f’ħajjithom, oħrajn ritorn wara snin ta’ distakk.
Dan kollu mhuwiex xi kumbinazzjoni jew xi riżultat ta’ xi daqqa ta’ xi bakketta maġika ta’ Harry Potter. Dan kollu hu frott ħidma magħquda, minn partit magħqud, b’viżjoni ċara, b’determinazzjoni assoluta taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg.
Il-paniku tal-Labour
U ma’ kull pass pożittiv tal-Partit Nazzjonalista kompla jinħakem minn paniku akbar il-Partit Laburista. Jekk Alex Borg ħabbar kampanja ta’ crowdfunding għat-tnedija ta’ podcast ġdida tal-Partit Nazzjonalista, mar malajr malajr il-Partit Laburista u ħabbar l-istess ħaġa ftit tal-jiem wara.
Jekk xi darba l-Partit Laburista kien jgħid li l-midja tal-Partit Nazzjonalista hi negattiva llum il-kontenut ta’ One News sar ikun miżgħud b’attakki isteriċi, pwerili u bla sugu fuq kull ħaġa marbuta mal-Partit Nazzjonalista.
Jekk xi darba l-Partit Laburista kien jgħid li huma sereni, illum il-ġurnata naraw partit li għax f’survey Net Television ġie fl-ewwel post, tatu rasu u qed jipprova minn kollox biex jibdel il-fatti. Bħal donnu l-Partit Laburista minn mitt jum ilu ’l hawn kien il-press the panic button moment.
Naturalment filwaqt li l-avversarji politiċi tagħna qegħdin jagħmlu kull żball politiku immaġinabbli jkun żball jekk niddependu fuq żbalji politiċi mill-avversarji. Jeħtieġ li nkomplu bil-ħidma pożittiva tagħna. Ħidma favur pajjiżna; ħidma favur il-poplu Malti u Għawdxi; ħidma li tissarraf f’ġid u viżjoni politika ġdida. Ħidma mibnija fuq stil ġdid ta’ politika. Ħidma li tkompli twassal il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista u tkompli tqarreb in-nies lejn il-Partit Nazzjonalista.
Lejn sena ġdida ta’ ħidma u sfidi
Ma għandi ebda dubju li l-2026 se tkun sena mimlija ħidma. Sena mimlija sfidi li flimkien spalla ma’ spalla nistgħu negħlbu. L-ewwel mitt jum ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista m’għandi ebda dubju kienu biss l-appetizer ta’ dak li għadu ġej. M’għandi ebda dubju li se nibqgħu naraw partit enerġetiku, pożittiv, propożittiv, pro-attiv u li jkompli jersaq dejjem aktar qrib in-nies. Min-naħa l-oħra se nibqgħu naraw il-paniku u r-reazzjonijiet pwerili. Se nibqgħu naraw il-politika fejn l-akbar aħbar tal-ġimgħa tkun għaliex xi ħadd ħa żball ġenwin u tella’ l-bandiera tal-Partit Nazzjonalista bil-maqlub fuq id-Dar Ċentrali għal ftit minuti!
Meta kien għadu deputat mexxej Laburista, dak li llum huwa l-Imħallef Emeritu Toni Abela kien tkellem fuq TVM dwar il-politika “tal-banana tiegħi akbar mill-banana tiegħek”. Dnub li fil-konfront ta’ Partit Nazzjonalista pożittiv u enerġetiku l-Partit Laburista ntefa’ propju għal dik it-tip ta’ politika infantili.
Awguri
Bħal-lum ġimgħa huwa Jum il-Milied u l-gazzetti ma jkunux pubblikati. Għalhekk nieħu din l-opportunità biex nawgura lil kulħadd Milied mill-aqwa.
Ejja niftakru li l-Milied hija festa ta’ mħabba, solidarjetà u paċi.
Ejja fuq kollox niftakru li l-Milied hija ċ-ċelebrazzjoni reliġjuża tat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 18 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

