Futbol Sport

Tkeċċija ta’ Joseph Mbong li kkundizzjonat ir-riżultat u l-prestazzjoni ta’ Ħamrun Spartams fl-aħħar impenn Ewropew

Ħamrun Spartans joħorġu telliefa fl-aħħar impenn tagħhom fl-Ewropa (Ritratt ta' Joseph Galea)
Ħamrun Spartans joħorġu telliefa fl-aħħar impenn tagħhom fl-Ewropa (Ritratt ta' Joseph Galea)

Shamrock Rovers vs Ħamrun Spartans 3-1

Ħamrun Spartans temmew l-esperjenza storika tagħhom fl-Ewropa dan l-istaġun b’telfa ta’ 3-1 kontra Shamrock Rovers, champions tal-Irlanda, fl-aħħar logħba tat-tim Malti fil-fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Conference League. Qabel din il-partita kien hemm stennija kbira mill-partitarji Ħamruniżi anke għaliex l-avversarji tagħhom fil-ġurnata, kienu għadhom rebħu punt wieħed biss, kontra t-tlieta li rrnexxilhom jakkwistaw Ħamrun Spartans f’sitt partiti minn din il-fażi tal-kompetizzjoni.

Iżda dak li sawwar u li kkaratteriżża r-riżultat finali f’din il-partita kien l-episodju li wassal għat-tkeċċija ta’ Joseph Mbong fis-27 minuta. Sa dak il-ħin l-iskor kien għadu 1-1, bl-iskwadra ta’ Giacomo Modica bdiet turi pożittività fil-logħob tagħha madankollu t-tkeċċija ta’ Mbong għamlet id-differenza kollha u kien kważi impossibli li jsalvaw ir-riżultat kontra Shamrock Rovers li kienu inteliġenti biżżejjed biex jieħdu l-massimu minn din is-superjorità numerika fil-pitch.

Għal darb’oħra l-eroj tal-Maltin reġa’ kien il-gowlkiper ta’ Ħamrun Spartans, Henry Bonello li sinċerament ma nafx x’jagħmlu mingħajru l-Ħamruniżi kieku m’għandhomx lilu bejn il-lasti.

Madwar 500 partitarju Ħamruniż kien preżenti għal dan l-aħħar impenn Ewropew tal-istaġun minn Ħamrun Spartans. Iżda minkejja li Ħamrun Spartans ħarġu jilgħabu b’kunfidenza, u sa mill-ewwel minuti tal-logħba dehru li setgħu jiksbu riżultat pożittiv f’Dublin, fil-futbol episodju wieħed jaf ibiddel kollox u hekk fil-fatt ġara.

Wara kważi kwarta logħob mil-ftuħ tal-partita, l-Irlandiżi marru fil-vantaġġ meta r-referee ordna penalty kontra Ħamrun Spartans. Azzjoni li kienet kontroversjali, meta konklużżjoni ta’ Dylan Watts kienet iġġudikata li messet ma’ idejn Vincenzo Polito. Mill-11-il metru mar sabiex jagħti l-penalty għal Shamrock Rovers, Graham Burke li minn quddiem Bonello ma żbaljax għal skor parzjali ta’ 1-0.

Ħamrun Spartans żammew sod, u kienu kapaċi jwetqu reazzjoni. Saliou Thioune kien qrib il-gowl tad-draw, iżda l-gowlkiper avversarji, Ed McGinty wettaq save tajjeb biex ċaħħad lit-Taljan ta’ 21 sena mil-gowl tad-draw. Madankollu fl-20 minuta, il-Maltin skorjaw il-gowl tad-draw grazzi għal N’Dri Koffi.

Kienet reazzjoni li uriet il-personalitá ta’ Ħamrun Spartans, iżda ħames minuti wara kwalunkwé pjan tattiku li kellu f’moħħu l-kowċ Sqalli, Modica malajr sar duħħan meta Joseph Mbong tkeċċa b’ħamra diretta mir-referee Ċek, Marek Radia wara daħla kerha fuq Victor Ozhianvuna.

Dan kien l-episjodu li qaleb kollox ta’ taħt fuq, u kkomplika l-affarijiet għal Ħamrun Spartans. Bl-Irlandiżi jilgħabu b’superjoritá numerika, Ħamrun Spartans bdew ibgħatu biex jikkontrollaw lill-avversarji tagħhom u Shamrock Rovers kienu bravi biżżejjed li sfruttaw il-vantaġġ ta’ plejer aktar fil-pitch.

Kien hawnhekk fejn Bonello beda’ juri l-kwalitajiet tiegħu, b’numru ta’ saves sakemm fil-ħin miżjud fit-tmiem tal-ewwel taqsima Shamrock Rovers marru mill-ġdd fil-vantaġġ meta daqqa ta’ ras ta’ Rory Gaffney kien salvata parzjalment minn Bonello, il-ballun ġie għand Graham Burke li dan għaddiħ lejn Danny Grant li xeħet fix-xibka għal skor parzjali ta’ 2-1.

B’Shamrock Rovers igawdu minn gowl vantaġġ u b’superjoritá numerika għall-ispejjez ta’ Ħamrun Spartans, kif kien mistenni t-tieni taqsima kienet se tkun għat-telgħa għaċ-champions Maltin.

Fit-tieni taqsima, l-Irlandiżi fallew diversi okkazzjonjiet ta’ skor, l-aktar għaliex kien deċiżiv Bonello b’numru ta’ saves. Ħamrun Spartans bdew jippruvaw joħorġu mil-qoxra difensiva tagħhom u saħansitra kellhom okkazzjonijiet ta’ skor iżda l-gowl tal-Maltin baqa’ qatt ma wasal u fil-ħin miżjud tat-tieni taqsima, s-sostitut John McGovern skorja t-tielet u l-aħħar gowl tal-Irlandiżi li fisser li fl-aħħar match day fil-fażi tal-Kampjonat tal-UEFA Conference League, Shamrock Rovers irnexxilhom jiġbru l-ewwel rebħa tagħhom wara li sa qabel din il-logħa kienu rebħu biss punt wieħed biss.

Telfa ta’ 3-1 għal Ħamrun li għalkemm ittemm l-impenji taċ-champions Maltin f’din il-kompetizzjoni Ewropea, żgur li ma tnaqqas xejn mill-mertu u r-riżultati prestiġjużi li dan it-tim irnexxilu jikseb u li matulu kiteb paġna storika li qatt qabel ma nkitbet fl-istorja ta’ klabb parti li pparteċipa f’kompetizzjoni Ewropea.