Il-Gvern Awstraljan qed jaħdem fuq pjan ta’ emerġenza biex jimminimizza l-impatt tal-antisemitiżmu li qed irabbi l-għeruq fil-pajjiż….Antisemitiżmu li kien il-fattur ewlieni wara l-isparatura tal-Ħadd fil-Bajja ta’ Bondi fejn żewġ terroristi armati, sostenituri tal-ISIS, fetħu n-nar fuq in-nies li kienu qed jiċċelebraw avveniment għal-Lhud…Sparatura li fiha spiċċaw immassakrati 15, b’għexieren oħra jisfaw midruba.
Il-Prim Ministru Awstraljan, Anthony Albanese, qal li l-Gvern tiegħu għandu jikkonċentra biex jelimina l-hate speech fil-pubbliku u fuq il-media soċjali – b’dan se jsir bl-introduzzjoni ta’ liġijiet speċifiċi li jindirizzaw ‘kulmin iferrex il-mibgħeda, id-diżgwid u r-radikalizzazzjoni’.
Skont il-pjan, il-Ministeru għall-Intern ukoll se jingħata l-poteri ġodda biex jikkanċella jew jirrifjuta l-visas għall-persuni li jferrxu l-messaġġi ta’ mibgħeda. Dan waqt li għandu jitwaqqaf task force ġdid biex jaċċerta li s-sistema edukattiva fl-Awstralja ‘tevita, tikkonfronta u tirreaġġixxi b’mod xieraq għall-antisemitiżmu’.
Intant, il-liġijiet ġodda għandhom jinkludu pieni għall-mexxejja u personalitajiet li jippromwovu l-vjolenza fuq livell ta’ reat federali – speċjalment fil-każi li jinvolvu ‘element ta’ hate speech aggravat’. Dan il-fattur ta’ mibgħeda se jkun ukoll ikkalkulat fil-każi ta’ persuni li jitressqu l-Qorti fuq akkużi ta’ theddid u harassment minn fuq l-Internet.
Albanese, fl-istess ħin, għamilha ċara li kull Awstraljan għandu d-dritt li jħossu sikur u rispettat għall-kontribuzzjoni tiegħu lejn il-ġid u l-iżvilupp tas-soċjetà. U fi kliem ta’ kundanna għall-ISIS hu qal li ‘it-terroristi li kaġunaw id-dmija ta’ Bondi wara li kienu spirati mill-ideoloġija tal-grupp ma rnexxilhomx jiżirgħu l-firda fost l-Awstraljani li, min-naħa tagħhom, wieġbu għal dan l-att ta’ mingħeda b’ mewġa ta; imħabba u simpatija għall-familji tal-vittmi’.
Is-sorsi qrib il-Gvern Awstraljan qalu, intant, li dan hu mument importanti ħafna għall-komunitajiet tal-Awstralja mhux biss minn aspett nazzjonali iżda wkoll bħala mudell għal dawk kollha li jridu jikkumbattu l-antisemitiżmu madwar id-dinja.
Fl-istess ħin, it-tensjoni fl-Awstralja għadha qawwija minn wara l-isparatura, bil-pulizija f’Sydney, fl-aħħar sigħat, tarresta seba’ persuni wara li rċeviet informazzjoni dwar ‘il-possibbiltà li huma kienu qegħdin jippjanaw azzjoni vjolenti oħra’. Madankollu l-investigazzjoni ma sabu l-ebda konnessjoni bejn dawn is-seba’ u l-inċident terroristiku ta’ nhar il-Ħadd fil-Bajja ta’ Bondi.
//= $special ?>

