“Jekk tiġi f’Diċembru hawn ikun mimli ħaxix.”
Ix-xahar li għadda, Jason Micallef kien għamel din il-wegħda ċara.
… iżda issa ninsabu propju fix-xahar ta’ Diċembru. U minkejja x-xita li għamlet, il-ħaxix f’din il-picnic area għadu ma spuntax.
B’nefqa eżorbitanti ta’ €311,000, din il-picnic area f’Ta’ Qali, inksiet b’tunnellati ta’ ramel, u tħalliet fl-istat li tinsab fih bħalissa. B’numru ta’ persuni u familji li jħobbu jiffrekwentaw dan l-ispazju miftuħ issa ma jistgħux igawduh bħal qabel.
Sal-lum il-ġurnata Jason Micallef għadu jwebbes rasu u jsostni li l-materjal li ntuża kien ramel apposta; bħal dak li jintuża f’parks barra minn Malta. Iżda dawn il-filmati, meħuda l-Ħamis filgħodu, jikkonfermaw kif ġiet irrovinata din iz-zona.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Bonett qed jibqa’ jiddefendi dan il-proġett u jtenni li jekk dan il-proġett ma jirnexxix ma tkunx waqgħet id-dinja; għaliex il-Gvern se jieħu miżuri ta’ rimedju.
Il-poplu Malti u Għawdxi, fid-dawl ta’ dan kollu jibqa’ jistenna u jittama li xi darba tittieħed azzjoni. U li dan is-sit jerġa’ jirritorna fl-istat oriġinali tiegħu, miżgħud bil-ħaxix.
//= $special ?>

