Lokali

Żewġ persuni mistennija jitressqu l-qorti b’rabta ma’ serqa f’Raħal Ġdid

Investigazzjonijiet intensivi b’rabta ma’ serqa li seħħet ftit tal-jiem ilu fuq mara, wasslu biex fl-aħħar sigħat il-Pulizija identifikat u arrestat żewġ suspettati rġiel ta’ 37 sena u 35 sena minn Ħal Qormi.

Il-każ seħħ fil-11 ta’ Diċembru li għadda, meta għal xi 8:00 am, il-Pulizija ġiet infurmata li hemm mara mal-art b’xi ġrieħi f’parkeġġ fil-viċinanzi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, f’Raħal Ġdid.

Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-vittma, mara ta’ 43 sena, kienet miexja f’dawk l-akwati, u raġel liebes maskra, attakkaha minn wara u ħadilha l-baskett li fih kien hemm mobile u ammont ta’ flus kontanti. Wara, ir-raġel daħal f’karozza li kienet qed tistennieh, fejn fiha kien hemm persuna oħra u ħarbu minn fuq il-post. Il-mara ttieħdet fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid għal kura, fejn ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif.

Minn stħarriġ li sar u wara li ġew analizzati numru ta’ filmati tas-sigurtà, ġew identifikati, kemm l-allegat ħalliel kif ukoll ix-xufier tal-vettura. Iż-żewġ persuni mistennija jitressqu l-Qorti, l-Ħamis, għall-ħabta tas-1:30pm quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.