Is-‘Small Claims Tribunal’, li jopera taħt il-European Small Claims Procedure, laqa’ rikors imressaq minn Tommaso Calosso kontra Malta Air Ltd u ordna lill-kumpanija tal-ajru tħallsu €500 kumpens minħabba titjira li waslet Malta b’dewmien ta’ aktar minn tliet sigħat.
Il-każ kien jikkonċerna t-titjira FR3373 minn Turin għal Malta, skedata għall-1 ta’ Lulju 2024, li fuqha Calosso kien qed jivvjaġġa flimkien ma’ bintu. Skont ir-rikorrent, id-dewmien kien jaqbeż it-tliet sigħat u għalhekk huwa kien intitolat għal kumpens ta’ €250 għal kull passiġġier, kif stabbilit mir-Regolament Ewropew 261/2004 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru.
Calosso ppreżenta dokumentazzjoni li tinkludi biljetti tat-titjira, talbiet għal kumpens u korrispondenza mal-linja tal-ajru, filwaqt li sostna li l-ispjegazzjoni mogħtija dwar “kundizzjonijiet ħżiena tat-temp” kienet limitata għal perjodu qasir u ma setgħetx tiġġustifika d-dewmien kollu.
Min-naħa tagħha, Malta Air argumentat li d-dewmien kien dovut għal restrizzjonijiet imposti mill-kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC) fuq livell Ewropew, bi slot obbligatorju assenjat minn Eurocontrol, li skontha jikkostitwixxu “ċirkostanzi straordinarji” li jeżentaw lil-linja tal-ajru mill-obbligu li tħallas kumpens. Madankollu, il-kumpanija naqset milli tippreżenta dokumentazzjoni jew provi konkreti biex issostni din id-difiża.
It-Tribunal, ippresedut mill-Avukat Graziella Tanti, osserva li f’każijiet bħal dawn l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-linja tal-ajru, li trid turi kemm l-eżistenza ta’ ċirkostanzi straordinarji kif ukoll li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli biex jiġi evitat id-dewmien. F’dan il-każ, dan ma sarx.
Peress li r-rikorrent ipprova li t-titjira kienet effettivament iddewmet b’aktar minn tliet sigħat u li ma kien hemm ebda ġustifikazzjoni valida ppruvata mill-kumpanija tal-ajru, it-Tribunal iddeċieda favur Calosso u ordna lil Malta Air tħallsu s-somma ta’ €500.
Ma ngħatawx interessi peress li dawn ma kinux mitluba, iżda l-ispejjeż tal-kawża ġew imposti fuq il-kumpanija tal-ajru.
Id-deċiżjoni ġiet ordnata biex tiġi nnotifikata lill-partijiet kollha skont ir-regolamenti Ewropej applikabbli.
//= $special ?>

