Lokali

Ebda apoloġija mill-Uffiċjal Laburista Jason Micallef wara li attakka ġurnalista

“Nafu din il-kultura fejn tista’ twassal

Aktar minn 24 siegħa wara Jason Micallef għadu mhux talli ma skużax ruħu mal-ġurnalista ta’ Newsbook Christine Mamo, talli saħansitra l-kitba bl-attakki fuq l-istess Mamo għadhom fuq il-pjattaforma tiegħu ta’ Facebook.

Dan hekk kif wara li l-ġurnalista għamlet servizz fuq dak li qed jiġri fil-Park ta’ Ta’ Qali, id-Delegat Speċjali fl-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista u Chairperson tal-Park Nazzjonali Jason Micallef għoġbu jattakka lil Christine Mamo fl-4am tal-Ħamis.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin appella lil Micallef biex jieqaf jiffastidja lill-ġurnalisti minħabba xogħlhom, u kkundannat b’mod assolut id-diskors tal-uffiċjal Laburista.

L-IĠM spjega li l-kummenti tiegħu huma ntiżi biex jintimidaw u jibbulljaw lil ġurnalist li qiegħdin hemm biex jirrapportaw, jistaqsu u jfittxu t-tweġibiet mingħand dawk li jinsabu fil-poter. Dan filwaqt illi ntqal li Jason Micallef irid ikun trasparenti.

Hekk ukoll saħqet l-għaqda PEN Malta illi saħqet li Micallef huwa uffiċjal pubbliku mħallas minn flus il-poplu u li huwa obbligat iwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti – inkluż dwar iż-żrar f’Ta’ Qali.

Taħt il-kitba ta’ Jason Micallef saħansitra kritikah l-eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet tal-midja Laburista Sandro Mangion fejn filwaqt li saħaq li m’għoġbux l-istil tar-rappurtaġġ tal-ġurnalista xorta waħda qal li l-attakki fuq il-ġurnalisti individwali minn min għandu l-poter u hu mħallas it-taxxi tal-Maltin kollha mhux aċċettabbli f’demokrazija. Huwa kompla li nafu sew din il-kultura fejn tista’ twassal – referenza ċara u tonda għad-destin li kien imiss lill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Bir-risposta ta’ Micallef tkun….“Sandro jien l-istil tal-pinzetta tiegħek ma jogħġobnix.”

Fl-attakki personali tiegħu, l-uffiċjal Laburista saħansitra żeffen fin-nofs lil ħu l-ġurnalista li preżentament jaħdem fl-uffiċċju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono. Attakki deskritti minn bosta bħala isteriċi u insensati partikolarment meta ġejjin minn uffiċjal pubbliku.

Intant, b’rabta ma’ dan kollu – il-ġurnalista Christine Mamo kitbet fuq il-midja soċjali fejn fost oħrajn saħqet li l-ħidma tagħha se tkun qed tkompli aktar minn qatt qabel.