Lokali

Flimkien għal Istrina: Inizjattiva ta’ solidarjetà mill-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex

Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex qed jorganizzaw inizjattiva speċjali b’risq l-Istrina, bil-għan li jinġabru fondi għal din il-kampanja ta’ solidarjetà nazzjonali.

L-attività se ssir nhar il-Ħadd li ġej, bil-ġurnata skedata għat-8.30 ta’ filgħodu fid-Dwejra, minn fejn se jsir vjaġġ sal-kwartieri tal-Protezzjoni Ċivili fix-Xewkija.

L-organizzaturi qed jistiednu lil kulħadd, kemm individwi kif ukoll gruppi, sabiex jingħaqdu magħhom f’din l-inizjattiva u juru s-solidarjetà tagħhom ma’ dawk li għadhom bżonn l-għajnuna. Din l-attività mhijiex biss mument ta’ għaqda, iżda wkoll okkażjoni biex tinħoloq iktar għarfien dwar l-importanza tal-għoti u l-volontarjat.

Id-donazzjonijiet kollha li jinġabru matul din l-attività se jmorru direttament b’risq l-Istrina, li kull sena tgħin lil bosta familji u persuni fil-bżonn madwar Malta u Għawdex.

L-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex qed iħeġġu lil kulħadd biex jieħu sehem, u anke b’donazzjoni żgħira, li tista tagħmel differenża kbira fil-ħajja ta’ ħaddieħor.