Lokali

Il-Kummissarju tal-Istandards għal ġudikatura jgħid li diġà kellu 5 ilmenti

Fl-ewwel jiem minn meta ngħata l-kariga, l-Imħallef Irtirat u issa Kummissarju tal-Istandards għall-Ġudikatura Toni Abela, diġà rċieva 5 ilmenti, li ġew solvuti.

Sostna dan Toni Abela fl-ewwel intervista tiegħu fuq ix-Xandir tal-Istat bħala Kummissarju tal-Istandards għall-Ġudikatura; kariga ġdida li ngħata ftit tal-jiem ilu fejn sostna li s-siġġu tiegħu se jkun hemm biex jgħasses lil min suppost iħares lis-soċjetà.

Toni Abela spjega li għandu numru ta’ sfidi quddiemu, kemm biex iwettaq il-kariga tiegħu bi sħiħ kif ukoll sabiex jibni l-uffiċju tiegħu. Hu saħaq li preżentament qed ifittex l-aħjar nies possibbli sabiex jgħinuh f’din il-missjoni.

Fl-intervista, Abela insista li mhux se jkun qed ifittex spettakli.

Il-Kummissarrju għall-Istandards sostna li ħadd ma huwa se jkun mingħalih li b’li jagħmel se jkun qiegħed jimbarazza lil xi membri tal-ġudikatura, u li l-pożizzjoni tiegħu ma tridx li tintuża bħala xi tip ta’ frosta.

Toni Abela saħaq li r-rakkomandazzjonijiet se jkun qiegħed jgħaddihom lill-Prim Imħallef u l-Ministru responsabbli, iżda spjega li dawn jistgħu ma jaċċettawx ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Huwa spjega li r-responsabbiltà tiegħu huwa fuq l-aġir u l-imġieba tal-ġudikatura filwaqt li insista għal darb’oħra li bl-esperjenza tiegħu jkun jaf liema ċittadini jkunu in buona fede jew le.