Internazzjonali Unjoni Ewropea

Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea jaqblu fuq €90 biljun f’self għall-Ukrajna

Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea laqgħu ftehim li jippermetta lill-Ukrajna self ta’ €90 biljun bla interessi, dan wara li fallew it-taħdidiet dwar l-użu ta’ assi russi friżati fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Intant il-mexxejja Ewropej qalu li l-ftehim jissodisfa l-bżonnijiet militari u ekonomiċi tal-Ukrajna għas-sentejn li ġejjin.

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky kien talab lill-mexxejja Ewropej sabiex japprovaw l-użu ta’ €200 biljun ta’ assi russi friżati, iżda l-Belġju, fejn hu miżmum l-akbar ammont minn dawn l-assi friżati, ma qabilx ma’ dan l-użu.

Intant wara din id-deċiżjoni, Zelensky qal li hu u l-poplu Ukren jinsab grat lejn l-Ewropej għal din id-deċiżjoni, u ddeskriviha bħala “appoġġ sinifikanti li verament isaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ukreni”

Min naħa l-oħra, il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li jemmen li jkun utli għall-Ewropej li jerġgħu jqiegħdu fiċ-ċentru tal-politika tagħhom, id-djalogu mar-Russja sabiex dan il-kunflitt jkun jista’ jiġi fi tmiemu bl-iktar mod ġust possibli.

Madanakollu, l-ftehim joffri lil Ukreni ċans ieħor sabiex ikomplu jiddefendu l-artijiet tagħhom, dan filwaqt li Uffiċjali Amerikani u Russi għandhom jiltaqgħu f’Miami fi tmiem din il-ġimgħa għal aktar taħdidiet fuq pjan ta’ paċi. Fl-istess waqt, Zelensky ħabbar li delegazzjoniji Ukrena u Amerikana se jiltaqgħu fil-ġimgħat li ġejjin fil-Istati Uniti.