Med Media Services Ltd (MMS), kumpanija tal-midja u awdjoviżiva bbażata f’Malta li topera l-pjattaforma internazzjonali tax-xandir Med.TV, iffirmat Memorandum ta’ Ftehim (MOU) mat-Teatru Manoel, it-teatru nazzjonali ta’ Malta u entità kulturali pubblika taħt il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali. Dan il-ftehim jimmarka pass importanti fil-promozzjoni tal-wirt artistiku u kulturali Malti lil udjenza internazzjonali.
L-MOU ġie ffirmat minn Anton Tabone, Chairman ta’ Med Media Services Ltd, u minn Edward Zammit, Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel. Din il-kollaborazzjoni tirrappreżenta impenn komuni biex tiġi ċċelebrata l-kultura Maltija u titwassal lil udjenzi madwar id-dinja.
Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, għażla vasta ta’ produzzjonijiet artistiċi u avvenimenti kulturali li jittellgħu fit-Teatru Manoel se jiġu rrekordjati b’mod professjonali u mxandra fuq livell internazzjonali permezz ta’ Med.TV u l-pjattaformi diġitali tagħha. Din l-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-viżibbiltà ta’ Malta bħala ċentru ta’ kultura u kreattività fir-reġjun tal-Mediterran u lil hinn minnu, u tilħaq potenzjalment miljuni ta’ telespettaturi madwar id-dinja kollha.
Dan il-ftehim jistabbilixxi qafas ta’ kooperazzjoni bejn is-settur kulturali pubbliku u l-industrija privata tal-midja, f’allinjament mal-politika kulturali ta’ Malta u l-Viżjoni 2050. Minbarra x-xandir ta’ produzzjonijiet live u kunċerti, is-sħubija se tappoġġja l-ħolqien ta’ kontenut kulturali u edukattiv, inklużi dokumentarji, intervisti u features dwar il-wirt li jenfasizzaw l-istorja rikka, l-arkitettura u l-kontribut tat-Teatru Manoel lejn il-kultura Maltija.
Dan il-ftehim jiftaħ il-bieb għal parteċipazzjoni konġunta fi proġetti kulturali u awdjoviżivi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u fuq livell internazzjonali. B’hekk isaħħaħ l-isforzi tad-diplomazija kulturali ta’ Malta kif ukoll jappoġġja d-dokumentazzjoni u l-preservazzjoni fit-tul tal-produzzjoni artistika tagħha.
//= $special ?>

