Jiem biss ‘il bogħod mil-ftuħ tas-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar, il-klabbs lokali, f’kull diviżjoni, diġa’ bdew bil-ħidma tagħhom biex jaraw kif se jsaħħu l-iskwadra rispettiva tagħhom. Net News hu infurmat li wieħed mil-plejers li attwalment jinsab fil-mira ta’ diversi klabbs, hu l-internazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena, Benjamin Hili li jilgħab ma’ Balzan.
Il-winger difensiv li kapaċi jilgħab f’rwol offensiv ukoll, jinsab fl-aħħar sena tiegħu tal-kuntratt tiegħu ma’ Balzan. Hili, li hu Għawdxi u prodott ta’ Għajnsielem, kien issieħeb ma’ Balzan fis-sajf tal-2022 wara li l-ewwel klabb tiegħu f’Malta kien San Ġwann.
Meqjus bħala plejer versatili, fejn saħansitra kapaċi jilgħab fir-rwol ta’ attakkant, Hili lagħab disa’ partiti mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena. Wara li fl-istaġun li għadda, Hili lagħab 23 partita fil-Malta Premier ma’ Balzan, dan l-istaġun, iż-żagħżugħ li lagħab ‘il fuq minn 60 logħba ma’ Balzan, mhux qed ikun regolari fl-iskwadra ta’ Andrew Cohen u lagħab biss f’erba’ partiti taċ-Challenge League.
Net News jista’ jikkonferma li bejn Hili u Balzan m’hemm diskussjonijiet biex il-plejer iġedded il-kuntratt tiegħu mal-klabb, u fid-dawl tal-fatt li l-Għawdxi m’għandux post regolari fit-tim li attwalment jinsab fil-kmand tal-klassifika taċ-Challenge League, Hili jista’ jiċċaqlaq fit-tieqa tas-suq tat-trasferimenti li jmiss.
Hu mifhum li għal Hili hemm diġa’ interess minn klabbs kemm mil-Malta Premier kif ukoll miċ-Challenge League. Sorsi viċin il-klabb ta’ Balzan u li tkelmu ma’ Replay qalulna li l-klabb mhux se jkun qed ifixkel it-trasferiment ta’ Hili għal ma’ klabb ieħor fl-eventwalitá li l-plejer li fi Frar li ġej jagħlaq 22 sena, jagħżel li jiffirma ma’ klabb ieħor f’Jannar li ġej.
Jibqa’ misteru kif dan l-istaġun, Hili tilef postu minn mal-ewwel ħdax ta’ Balzan, wara li fit-tliet staġuni preċidenti, minn meta ssieħeb ma’ Balzan fil-Malta Premier, wieħed mill-aqwa talenti Għawdxin li preżentament għadna fil-futbol lokali, hu kien qed jilgħab regolarment ma’ dan it-tim u taħt it-tmexxija ta’ diversi kowċis. Bosta kienu qed jistennew li dan l-istaġun, b’Hili jibqa’ ma’ Balzan fiċ-Challenge League, il-winger li jilgħab l-aktar fuq ix-xellug, kien se jkun wieħed mill-elementi l-aktar importanti fl-iskwadra ta’ Cohen, iżda dan mhux qed ikun il-każ tant li wara disa’ partiti mil-bidu tal-Kampjonat, Hili lagħab biss f’erba’ partiti u għal ftit minuti, b’total ta’ 127 minuta.
Wieħed jifhem li attwalment Hili qed jikkonsidra l-alternattivi kollha disponibbli, bl-objettiv li jissieħeb ma’ klabb fejn jerġa’ jkun qed jilgħab regolari.
//= $special ?>

