Lokali Qorti

Mhux ħati li kien involut fi ġlieda li fiha spiċċaw feruti żewġ Franċiżi

Ronald Jakub Frysiak ta’ 36 sena, mwieled is-Slovakkia u residenti s-Siġġiewi ġie lliberat minn kull akkuża wara li l-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, iddeċidiet li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Il-każ kien jirrigwarda ġlieda li seħħet fil-lejl tas-16 ta’ Ġunju 2022 fi Triq Sant’Wistin, San Ġiljan, fejn żewġ ċittadini Franċiżi li kienu Malta għall-btala spiċċaw feruti.

Mill-provi li semgħet il-qorti rriżulta li l-pulizija sabu liż-żewġ Franċiżi mimdudin mal-art, it-tnejn bid-demm ħiereġ minn rashom. Cassou ġie ċċertifikat minn tabib li sofra ferita ta’ madwar ħames ċentimetri fuq in-naħa tax-xellug tal-wiċċ, li kellha bżonn punti u li ġiet ikklassifikata bħala ġrieħi gravi, filwaqt li Boulanger ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief “salv komplikazzjonijiet”.

Il-Prosekuzzjoni ressqet quddiem il-qorti lill-pulizija li intervjenew fuq il-post, li spjegaw kif ġew infurmati li l-aggressur kien daħal f’ħanut fil-qrib u kif arrestaw lill-akkużat. Madankollu, l-ebda wieħed mill-pulizija ma ra l-ġlieda sseħħ, u l-qorti nnutat li minkejja li kien hemm ħafna nies fuq il-post, l-ebda xhud indipendenti ma ġie identifikat jew imressaq biex jixhed dwar kif seħħew l-affarijiet. Ma nstabux lanqas filmati ta’ CCTV li setgħu jixħtu dawl fuq l-inċident.

L-akkużat, Ronald Jakub Frysiak, sid tal-ħanut “Roll and Chill” f’San Ġiljan, kien akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lil Richard Gerald Mestressat Cassou u lil Roger Jose Boulanger. Mill-provi miġjuba quddiem il-qorti rriżulta li Cassou sofra daqqa f’rasu li wasslet għal ferita ta’ madwar ħames ċentimetri fuq in-naħa tax-xellug tal-wiċċ li kellha bżonn punti, filwaqt li Boulanger ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief.

Madankollu, il-qorti osservat li Cassou, li xehed, ma setax jiftakar kif seħħ l-inċident u lanqas ma seta’ jidentifika min allegatament attakkah. It-tieni allegat vittma, Boulanger, lanqas ma xehed, u ma tressqu ebda xhieda indipendenti jew filmati ta’ CCTV minkejja li l-inċident seħħ f’post pubbliku u mimli nies. Dan, skont il-qorti, dgħajjef b’mod serju l-każ tal-Prosekuzzjoni.

Il-qorti tat importanza wkoll lill-verżjoni tal-akkużat u tas-sieħba tiegħu, Martyna Aleksandra Lagowska, li qalu li Cassou kien diġà fl-art b’rasu midruba qabel kwalunkwe konfront, u li Boulanger, li kien fis-sakra, attakka lill-akkużat li ddefenda ruħu b’daqqa waħda biss. Din il-verżjoni kienet konsistenti mal-istqarrija tal-akkużat u ma ġietx ikkontradetta b’mod konvinċenti mill-Prosekuzzjoni.

Fir-rigward tal-ewwel akkuża, il-qorti qablet li l-ferita ta’ Cassou kienet ta’ natura gravi skont il-liġi, iżda kkonkludiet li ma ġiex ippruvat li kienet ikkawżata mill-akkużat. Dwar it-tieni akkuża, il-qorti nnutat li l-ġrieħi ta’ Boulanger kienu kklassifikati bħala ħfief u li l-akkuża ma ġietx emendata minkejja dan id-difett.

Għaldaqstant, il-qorti ddeċidiet li teħles lill-akkużat minn kull akkuża miġjuba kontrih. Għall-akkużat dehet l-Avukat Roberta Bonello Felice. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Darryl Farr.