Il-Qorti kkonkludiet li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li Clive Agius ta’ 40 sena mill-Floriana kien involut fit-traffikar jew fil-forniment tad-droga. Mill-provi prodotti ma rriżultax li kien hemm elementi li jindikaw bejgħ, tqassim jew profitt, bħal pereżempju ammonti konsiderevoli ta’ droga, flus kontanti marbuta ma’ bejgħ, jew evidenza ta’ kuntatti ma’ terzi għal skop ta’ traffikar.
Madankollu, il-Qorti osservat li l-istess provi kienu biżżejjed biex juru li d-droga kienet fil-pussess tal-imputat. Għaldaqstant, filwaqt li warrbet l-aktar akkuża gravi, il-Qorti sabitu ħati ta’ pussess sempliċi ta’ sustanza illeċita, u kklassifikat il-każ bħala wieħed relatat mal-użu personali aktar milli ma’ attività kriminali organizzata jew kummerċjali.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti enfasizzat id-distinzjoni ċara fil-liġi bejn traffikar u pussess, u saħqet li biex persuna tinstab ħatja ta’ traffikar hemm bżonn prova soda u konklużiva ta’ intenzjoni li d-droga titqassam lil ħaddieħor.
F’dan il-każ, tali prova ma kinitx preżenti. Is-sentenza għalhekk kienet ibbażata fuq il-prinċipju tal-proporzjonalità u fuq il-fatt li l-imputat kien qed jaffaċċja problema ta’ użu, u mhux qed jopera bħala traffikant.
Agius, kien akkużat b’numru ta’ reati relatati ma’ ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, pussess u allegat traffikar ta’ kokaina u eroina, kif ukoll ksur ta’ ordni ta’ probation u reċidiva. Il-każ imur lura għal Marzu tal-2018, meta l-Pulizija tad-Droga għamlu raid f’garaxx fi Triq il-Mejjilla, Ħal Qormi.
Fil-garaxx instabu disa’ persuni, fosthom l-imputat. Għalkemm tfittxija fuq il-persuna tiegħu ma tat l-ebda riżultat, fuq mejda li kien qiegħed ħdejha instab pouch li kien fih diversi oġġetti relatati mad-droga, inkluż miżien elettroniku, foil, landa b’traċċi ta’ sustanza u dokument ta’ identità tiegħu. L-analiżi xjentifika kkonfermat li t-traċċi kienu ta’ kokajina u eroina.
Ftit jiem wara, fil-lejl ta’ bejn it-18 u d-19 ta’ Marzu 2018, il-Pulizija rċeviet rapport dwar vettura suspettuża fil-Belt Valletta. L-imputat instab riekeb fil-karozza u minn tfittxija li saret fuqu nstabu ħames pakketti żgħar ta’ kokajina b’piż totali ta’ 1.235 grammi, flimkien ma’ oġġetti oħra marbuta mal-użu tad-droga. L-imputat kien taħt kundizzjonijiet ta’ rinkażar u suppost kellu jkun id-dar f’dak il-ħin.
Il-Qorti semgħet ukoll xhieda esperta li kkonfermat il-preżenza tad-drogi, kif ukoll professjonisti mediċi u psikoloġi li spjegaw kif l-imputat ilu snin twal ibati minn vizzju sever tad-droga. Ġie kkonfermat li waqt li kien inkarċerat, testijiet tal-urina kollha rriżultaw fin-negattiv u li l-imputat wera motivazzjoni qawwija biex joħroġ mill-vizzju.
Aktar minn hekk, il-Qorti ġiet infurmata li l-imputat temm b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni quddiem il-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga, wara li l-Qorti assumiet il-funzjoni ta’ Qorti dwar id-Droga.
Fl-analiżi tagħha, il-Qorti aċċettat l-istqarrijiet kollha li ta l-imputat lill-Pulizija, u qieset li dawn setgħu jintużaw bħala prova peress li d-drittijiet tiegħu kienu rispettati u hu stess kien irrifjuta l-assistenza legali. Madanakollu, meta ġiet biex tiddeċiedi dwar l-allegat traffikar, il-Qorti kkonkludiet li l-provi ma kinux biżżejjed biex juru li l-imputat kien qed ifforni jew jittraffika d-droga.
B’referenza estensiva għall-ġurisprudenza, inkluż każijiet magħrufa dwar il-prinċipju tat-“trafficking by sharing”, il-Qorti qieset li s-sitwazzjoni kienet waħda ta’ użu u pussess personali u mhux ta’ bejgħ jew forniment lil terzi.
Konsegwentement, il-Qorti illiberat lil Agius mill-akkuża ta’ traffikar iżda sabitu ħati ta’ pussess sempliċi ta’ kokajina u eroina, kif ukoll li naqas milli josserva kundizzjoni tal-police bail meta rrapporta tard il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti ma sabitux ħati tal-ksur tal-kundizzjonijiet imposti mid-digriet tal-ħelsien mill-arrest, minħabba nuqqas ta’ prova li dawn il-kundizzjonijiet kienu għadhom fis-seħħ dak il-ħin. Il-Qorti sabitu wkoll ħati li wettaq ir-reati waqt li kien għadu taħt ordni ta’ probation u kkonfermat il-prova tar-reċidiva limitata.
Meta ġiet biex tikkunsidra l-piena, il-Qorti qieset il-fedina penali problematika tal-imputat, iżda tat piż ukoll lill-fatt li l-ammont ta’ droga kien relattivament żgħir u li l-imputat għamel progress sostanzjali fir-riabilitazzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-emendi fil-liġi li daħlu fis-seħħ wara l-2018, u billi l-ammont ta’ kokaina kien anqas minn żewġ grammi, il-Qorti applikat il-liġi l-aktar favorevoli għall-imputat.
Is-sentenza finali tikkonferma l-approċċ tal-Qorti li tiddistingwi bejn każijiet ta’ traffikar u dawk ta’ vizzju u użu personali, filwaqt li tagħti importanza lir-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà, mingħajr ma tnaqqas mis-serjetà tar-reati marbuta mad-droga.
//= $special ?>

