Raġel li llum għandu 36 sena ġie kkundannat għal pussess sempliċi ta’ cannabis u mmultat €100 wara li l-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, iddeċidiet li ma ġiex ippruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli li d-droga li nstabet fil-pussess tiegħu kienet maħsuba għall-użu mhux esklussiv tiegħu.
Is-sentenza ngħatat f’kawża li tmur lura għal Awwissu tal-2012, meta l-imputat Omar Bonavia kien inqabad mill-pulizija waqt ronda fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi. Skont il-provi mressqa, Bonavia kien qed isuq vettura Volkswagen meta deher aġitat malli lemaħ vettura tal-pulizija.
Minkejja li ġie ordnat jieqaf, huwa pprova jaħrab iżda waqaf ftit metri ’l bogħod, fejn il-pulizija sabu pouch iswed li kien fih sitt biċċiet ta’ sustanza suspettata cannabis, ippakkjati separatament f’foil, flimkien ma’ karti tas-sigaretti.
Analiżi xjentifika kkonfermat li s-sustanza kienet reżina tal-cannabis b’piż totali ta’ 13.39 grammi u purità ta’ madwar 3.5 fil-mija, sustanza kontrollata taħt il-liġi. L-imputat kien akkużat b’pussess aggravat, bil-Prosekuzzjoni sostniet li ċ-ċirkostanzi jindikaw li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, kif ukoll li r-reat seħħ qrib żoni frekwentati miż-żgħażagħ.
Madankollu, il-Qorti qieset b’mod estensiv il-valur probatorju tal-istqarrija li kien ta l-imputat lill-pulizija fl-istadju investigattiv. Fid-dawl tal-ġurisprudenza kostituzzjonali u Ewropea, u b’kont meħud tal-fatt li meta ngħatat l-istqarrija l-imputat ma kellux aċċess għall-assistenza legali u kien żgħir fl-età kif ukoll għaddej minn perjodu diffiċli fil-ħajja personali tiegħu, il-Qorti ddeċidiet li tiskarta din l-istqarrija għal kollox.
B’hekk, il-Qorti kellha tqis jekk il-provi l-oħra li fadal kinux biżżejjed biex isostnu akkuża ta’ pussess aggravat. Wara analiżi dettaljata tal-ġurisprudenza rilevanti, il-Qorti kkonkludiet li l-ammont tad-droga, għalkemm mhux minimu, ma kienx biżżejjed waħdu biex juri li kien hemm intenzjoni li d-droga tintuża minn terzi. Il-Qorti tat piż ukoll lix-xhieda tal-esperta Dr Roberta Holland, li kkonfermat li fiż-żmien inkriminat Bonavia kien qed ibati minn vizzju sever tal-cannabis, marbut ma’ diffikultajiet serji fil-familja.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti lliberat lil Bonavia mill-akkuża ta’ pussess aggravat iżda sabitu ħati ta’ pussess sempliċi ta’ cannabis. Meta ġiet biex tikkunsidra l-piena, il-Qorti ħadet inkunsiderazzjoni l-ammont tad-droga, il-fatt li l-imputat temm b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni quddiem il-Bord ta’ Rijabilitazzjoni tad-Droga, kif ukoll li llum qed jgħix ħajja stabbli u għandu familja.
Applikat ukoll il-prinċipju tal-aktar liġi favorevoli għall-imputat, fid-dawl ta’ emendi leġiżlattivi li daħlu fis-seħħ wara l-2012, u għalhekk imponiet multa ta’ €100 li trid titħallas immedjatament. Barra minn hekk, il-Qorti ordnat lill-imputat iħallas €227.03 fi spejjeż relatati mar-rapport xjentifiku, u tat ordni biex id-droga u l-oġġetti relatati jinqerdu.
//= $special ?>

