Joe M. Zahra
Pajjiżna jgawdi minn madwar 300 jum ta’ xemx tul is-sena. Meta tqis dan imissna li kull bejt ngħattuh bil-panelli fotovoltajċi. Irid jibda l-Gvern. Dan għandu blokki ta’ appartamenti ma’ Malta u Għawdex, skejjel, bini pubbliku. Dawn bejniethom jagħmlu eluf ta’ metri kwadri ta’ soqfa. Allura għaliex ma jibdiex l-istess gvern jara li kull fejn għandu saqaf jistalla fuqu l-panelli! Issib min jgħidlek iżda fi blokki ta’ appartamenti ta’ min ser jonqos il-kont tad-dawl!
Hemm imbagħad soqfa kbar ta’ fabbriki. Uħud minnhom diġà inksew bil-panelli fotovoltajċi. Għandu jsir sforz biex ebda saqaf ma jkun nieqes milli jkollu panelli installati fuqu.
Li kieku jsir sforz biex ma nħallux bejt wieħed mingħajr panelli fotovoltajċi ara kemm jikber il-persentaġġ ta’ elettriku ġenerat minn dan is-sors ta’ enerġija rinnovabbli. Ċert li bi sforz nistgħu nipproduċu parti kbira tal-elettriku li nikkunsmaw mix-xemx.
Hemm miri li rridu nilħqu u ma nistgħux għal sena wara l-oħra nibqgħu ma nilħqux il-miri li għamilna. Ma nistgħux inkomplu nħallsu l-“carbon credits” lil pajjiżi li qabżu l-miri tagħhom. Bejn l-2013 u l-2020 Malta xtrat madwar €1.4 miljun ta’ allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet mill-Bulgarija kif ukoll madwar €2 miljun ta’ ‘tax credits’ mill-Estonja. Bi €3.4 miljun ara kemm il-gvern kien jgħin proprjetajiet privati u bini kummerċjali jistallaw il-panelli fuq bjuthom!
Riħ u hydro
Fit-tielet kwart tas-sena 49.3 fil-mija tal-elettriku kollu fl-Unjoni Ewropea kien ġenerat minn sorsi rinnovabbli. L-ikbar ammont ta’ enerġija rinnovabbli fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ġiet mix-xemx (38.3%). Wara x-xemx kien hemm ir-riħ (30.7%) u l-hydro (23.3%).
Pajjiżna minbarra x-xemx jista’ jipproduċi wkoll l-elettriku mir-riħ. Dan biex tipproduċieh jiġi ogħla mix-xemx iżda tajjeb li jkollna taħlita f’dik li huma sorsi rinnovabbli. Ilna snin naħsbu biex ikollna ‘wind farms’ ’il barra mill-kosta ta’ pajjiżna, iżda fl-ibħra territorjali tagħna. Sena ilu f’Diċembru, 2024 ħarġet sejħa pubblika għall-offerti għal ‘floating offshore windfarm’. Jekk kollox jimxi mal-miri, li mhux faċli, l-ewwel windfarm fuq il-baħar għandu jitlesta sal-2032.
Biss għalina hi x-xemx li tibqa’ l-ikbar riżorsa tagħna għall-enerġija rinnovabbli. Jien spiss nitla’ l-Ġermanja. Dan hu pajjiż fejn ftit tidher ix-xemx iżda tara panelli ma’ ħafna mis-soqfa tad-djar tagħhom. Jew f’xi għalqa kbira. Irdieden tar-riħ imbagħad għandhom kemm tara b’għajnejk. Mijiet, jekk mhux eluf!
Ambjent iktar nadif
L-enerġija minn sorsi rinnovabbli tiswa biex tinstalla. Anke jekk tiġbor il-flus li tkun investejt fi żmien ftit snin. Iżda l-enerġija rinnovabbli tfisser ukoll ambjent iktar nadif. Ambjent inqas imniġġeż. Biżżejjed għandna l-vetturi li jniġġsu. Li dejjem iniġġsu iktar għaliex mhux biss qed jiżdiedu fin-numru iżda qed idumu iktar fit-traffiku u anke għaliex qed idumu iktar iduru biex isibu jipparkjaw. Għalhekk jinħela iżjed petrol u diesel li jikkontamina iktar.
Nemmen li minkejja l-ħafna kliem dwar enerġija nadifa, m’aħniex nieħdu dan is-suġġett bis-serjetà li jixraqlu. Il-Gvern flok jieħu l-passi meħtieġa biex ikollna arja iktar nadifa kien hemm proġett fejn iktar minn 100 karrozza tal-linja kienu ser jinqalbu għall-elettriku b’fondi mill-Unjoni Ewropea u waqqfu. Kien hemm ukoll proġett biex tinbena l-infrastruttura taċ-‘charging points’ minn fejn il-karrozzi li jaħdmu bl-elettriku jkunu jistgħu jiġu ċċarġjati. Anke dan jidher li spiċċa. Kif jista’ jkollok iktar karozzi jaħdmu bl-elettriku jekk ma jkunx hawn ‘charging points’ fejn ikunu jistgħu jiċċarġjaw il-batteriji! Sadattant aħna wieħed mill-ftit pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li m’aħniex nilħqu l-miri tagħna mal-Unjoni Ewropea li trid li sal-2050 l-Ewropa jkollha ekonomija netta tal-karbonju zero.
Bil-kliem, bl-istqarrijiet, bil-konferenzi tal-aħbarijiet m’aħniex ser naslu. Biex naslu jrid ikun hemm iktar ħeġġa u rieda biex dak li hemm bżonn isir, isir. Biex l-investiment f’dan is-settur jikber. Għaliex b’aktar elettriku minn sorsi rinnovabbli, il-Gvern jonfoq inqas fuq xiri ta’ gass u żejt biex ikollna l-enerġija neċessarja.
Iktar ’il fuq ktibt li b’iktar enerġija rinnovabbli l-ambjent ikun aħjar. Dan għandu jkun ukoll li jixprunana biex ikollna iktar enerġija elettrika mix-xemx, mir-riħ u minn kull sors ieħor ta’ enerġija rinnovabbli. Tajjeb inżommu quddiem għajnejna li iktar ma jkollna vetturi jarmu l-gassijiet tossiċi, iżjed ser ikollna każi ta’ mard marbut mal-kontaminazzjoni tal-arja.
B’enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli nolqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda. Il-pajjiż jonfoq inqas fi żjut u gass. U l-ambjent li ngħixu fih jagħmilna iktar f’saħħitna. U mhux il-kuntrarju!
B’enerġija elettrika minn sorsi rinnovabbli nolqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda. Il-pajjiż jonfoq inqas fi żjut u gass. U l-ambjent li ngħixu fih jagħmilna iktar f’saħħitna. U mhux il-kuntrarju!

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru, 2025.
//= $special ?>

