Internazzjonali

Paul King se jidderieġi film ġdid dwar Labubu

Id-direttur Ingliż Paul King, magħruf l-aktar għax-xogħol tiegħu fuq Paddington u Wonka, se jkun qed jidderieġi u jipproduċi film ġdid ibbażat fuq il-pupi popolari ta’ Labubu.

Dan il-film jinsab fi stadju bikri ta’ żvilupp u għadu qed ifittex kittieb, u l-film qed jiġi żviluppat minn Sony, li x-xahar li għadda xtrat id-drittijiet, flimkien mal-kumpanija Ċiniża Pop Mart.

Labubu ġie maħluq mill-artist Kasing Lung u beda bħala proġett żgħir, iżda l-popolarità tiegħu kibret wara li Pop Mart bdiet tbiegħu fl-2019.

Is-suċċess tiegħu huwa attribwit l-aktar għas-sistema tal-blind boxes, fejn ix-xerrejja ma jafux liema pupu se jsibu sakemm jiftħu l-pakkett. Dan ħoloq suq qawwi, b’ċerti figuri jinbiegħu mal-eluf, u f’xi każi anke għal somom ta’ sitt figuri.

Raġuni oħra għal dan il-fenomenu Labubu kienet l-esponiment minn personalitajiet internazzjonali, fosthom il-kantanta tal-BLACKPINK Lisa, li bdiet tuża dawn il-pupi bħala aċċessorji tal-moda, u b’hekk kompliet iżżid id-domanda.

Intat, King reġa’ faħħar lill-attur Hugh Grant, li ħadem miegħu f’Paddington 2 u Wonka, u qal li jkun kuntent jerġa’ jikkollabora miegħu fil-futur.

Fl-istess ħin, id-direttur żvela li qed jiġi żviluppat film ieħor ta’ Wonka, li possibilment jinkludi vjaġġi internazzjonali tal-karattru interpretat minn Timothee Chalamet.

Il-film dwar Labubu mistenni jkompli jkabbar il-popolarità globali ta’ din il-marka li diġà saret fenomenu kultari.