Lokali

Tikber il-kritika lejn l-Uffiċjal Laburista Jason Micallef

“Irriżenja mill-pożizzjoni tiegħek għax qridt post pubbliku għall-familji u t-tfal – u din il-qerda saret minn flus il-poplu Malti u Għawdxi kollu.”

Dan kien wieħed biss mill-ħafna kummenti ta’ kritika li rċieva l-uffiċjal Laburista Jason Micallef fl-aħħar jiem wara l-wegħda ċara li kien għamel ix-xahar li għadda li skont hu – f’Diċembru – Ta’ Qali kien se jkun mimli ħaxix.

Iżda hekk kif ninsabu proprju f’Diċembru u minkejja x-xita li għamlet fl-aħħar ġimgħat, il-ħaxix għadu ma spuntax – ħlief taħt is-siġar fejn ma tpoġġiet ramel u żrar.

F’baraxx ta’ kummenti fuq il-midja soċjali, numru ta’ persuni sejħulu ġardinar skadut, u arroganti.

U bl-aktar ton sarkastiku, kien hemm min staqsih meta se jsir il-festin u f’liema sena se jkun qed jikber il-ħaxix.

Dan filwaqt li numru ta’ persuni ddeskrivew din is-sitwazzjoni bħala tad-daħk u tal-biki fl-istess ħin.

Intant jidher li dan il-proġett qed jiġi appoġġjat sew mill-Ministru Chris Bonett li fl-aħħar jiem tenna li jekk jibqa’ ma jitlax ħaxix f’Ta’ Qali, il-Gvern se jipprova xi ħaġa oħra.

Wieħed kien jistenna li b’nefqa eżorbitanti ta’ €311, 000 kien isir proġett li jħalli l-frott u li jista’ jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin kollha. Iżda l-poplu għadu qed jistenna li xi darba l-Gvern jieħu azzjoni u din iz-zona li tħalliet fl-aktar stat devastanti terġa’ tirritorna lura għall-istat oriġinali tagħha mimlija ħdura u ħaxix.