Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, illiberat lil Charlot Farrugia mill-akkuża ta’ traffikar ta’ eroina, iżda sabitu ħati ta’ pussess sempliċi tad-droga. Farrugia kien maħkum mill-vizzju serju tad-droga iżda ħadem qatigħ biex temm b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni. Huwa ngħata probation għall-perjodu ta’ tliet snin.
Il-Qorti waslet għal konklużjoni ta’ liberazzjoni wara li ddeċidiet li l-istqarrija li l-imputat kien ta lill-Pulizija fl-istadju investigattiv kienet inammissibbli, peress li ngħatat fi żmien meta l-liġi Maltija ma kinitx tipprovdi d-dritt għall-assistenza legali waqt l-interrogazzjoni.
B’konsegwenza ta’ dan, dik l-istqarrija ġiet skartata kompletament, flimkien ma’ kull dikjarazzjoni oħra li seta’ għamel lill-Pulizija. Fir-rigward tal-ewwel imputazzjoni ta’ forniment u traffikar ta’ eroina, il-Qorti osservat li, ladarba l-istqarrija ġiet eskluża, ma baqgħet l-ebda prova oħra li tissostanzja l-allegazzjoni li l-imputat kien qed iforni d-droga lil terzi.
Il-Pulizija ma rawhx ibigħ jew iqassam id-droga, ma nstab l-ebda tagħmir relatat ma’ spaċċar, u lanqas ma ġiet analizzata l-informazzjoni fuq il-mobile phone li nstab fil-pussess tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti illiberatu minn din l-akkuża.
Dwar it-tieni imputazzjoni, relatata mal-pussess ta’ eroina, il-Qorti qieset li kien ippruvat li l-imputat kellu fil-pussess tiegħu madwar 93.67 gramma eroina b’purità ta’ madwar 12%. Madankollu, minkejja li l-ammont kien wieħed sinifikanti, il-Qorti kkonkludiet li ma ġiex ippruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli li dan il-pussess kien wieħed aggravat, jiġifieri li ma kienx għall-użu esklussiv tiegħu.
Il-Qorti enfasizzat li, apparti l-kwantità tad-droga, ma kien hemm ebda ċirkostanza oħra li tindika traffikar, bħalma huma miżien, boroż żgħar, pakkettar għal bejgħ, jew provi ta’ kuntatti ma’ xerrejja. Anke l-flus li nstabu fil-pussess tiegħu u fid-dar tiegħu ġew spjegati u ma ġewx marbuta direttament ma’ attività ta’ traffikar.
Il-Qorti tat ukoll piż lill-fatt li l-imputat kien vittma ta’ vizzju serju tad-droga, li kien wasslu għal ħajja instabbli u problemi personali gravi. Ġie rikonoxxut ukoll li Farrugia ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija, inkluż billi ta informazzjoni li wasslet għall-arrest ta’ traffikant ieħor u qabda sostanzjali ta’ droga.
Barra minn hekk, il-Qorti nnutat li l-imputat temm b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni, taħt is-superviżjoni tal-Bord ta’ Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga, u li għal diversi snin sħaħ kien għadda minn testijiet tal-urina li kollha rriżultaw negattivi.
Għaldaqstant, filwaqt li warrbet l-akkużi l-aktar gravi, il-Qorti sabet lil Charlot Farrugia ħati biss ta’ pussess sempliċi ta’ eroina, u mhux ta’ traffikar jew pussess aggravat, u ddeċidiet il-każ fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ġustizzja u riabilitazzjoni.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet u b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 446, qed tqiegħdu taħt Ordni ta’ Probation għal żmien tliet snin mil-lum, bil-kundizzjonijiet elenkati fl-istess Ordni hawn anness, liema Ordni għandu jifforma parti integrali minn din is-sentenza.
Il-Qorti ordnat komunika ta’ din is-sentenza lid-Direttur tal-Probation u Parole sabiex jaħtar Uffiċjal Sorveljanti li jissorvelja lill-ħati. Il-Qorti wissiet lill-ħati bil-konsegwenzi skont il-liġi kemm il-darba huwa jikkommetti reat ieħor waqt il-perjodu operattiv tal-Ordni tal-Probation jew kemm-il darba jonqos milli jħares il-kundizzjonijiet tal-istess Ordni.
Il-Qorti ordnat lill-ħati sabiex iħallas l-ispejjeż tal-esperti maħtura fil-mori tal-inkjesta dwar dan il-każ u ta’ dawk maħtura fil-kors ta’ dawn il-proċeduri ossia s-somma ta’ €52.97ċ., rappreżentanti spejjeż in konnessjoni mal-ħatra ta’ ‘Scene of the Crime Officers’, is-somma ta’ €224.20ċ. rappreżentanti spejjeż mal-ħatra tax-xjenzat Godwin Sammut.
Ordnat ukoll li titħallas is-somma ta’ €483.48ċ rappreżentanti spejjeż mal-ħatra ta’ Roberta Holland, liema spejjeż għandhom jitħallsu mill-ħati fi żmien sitt xhur mid-data tas-sentenza.
Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga esebita fl-atti tal-proċess.
Għall-akkużat qed jidhru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adrian Zammit
//= $special ?>

